Yorgen Fenech, li bħalissa hu akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ingħata l-ħelsien mill-arrest. Hu se jkun qiegħed jinħeles wara li l-Imħallef Edwina Grima ħarġet digriet ftit tal-ħin ilu.
Fenech se jkun qiegħed jinħareġ mill-ħabs fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jħallas depożitu ta’ €80,000, kif ukoll garanzija personali ta’ €120,000.
Zitu Moira Fenech se tkun qiegħda tagħmel garanzija għalih u dan permezz tal-ismha li għanda fil-kumpanija Tumas. Fil-Qorti qalet li għandha 15.45% tal-ismha kollha tal-kumpanija.
Fost il-kundizzjonijiet imposti fuqu, Fenech ma jistax jersaq sa 50 metru mill-ajruport u mill-kosta ta’ Malta. Irid jiffirma fl-Għassa ta’ San Ġiljan kuljum kif ukoll irid ikun id-dar bejn il-5.00pm u l-11.00am.
Se jkun assenjat uffiċjal tal-Probation biex jagħmel superviżjoni tiegħu kif ukoll irid jgħix fl-unika indirizza li provda lill-Qorti. Aktar kmieni fis-seduta, ziju Moira qalet li hi lesta li żomm lin-nepputi għandha.
Il-passaport kif ukoll dokumenti ta’ identifikazzjoni se jkunu miżmumin mill-Qorti.
Hekk kif l-Imħallef Grima kienet qiegħda taqra d-digriet, fl-Awla kien hemm diversi membri tal-familja.
Aktar tard din is-sena huwa mistenni li jgħaddi ġuri b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fenech ilu jinżamm taħt arrest fil-Ħabs ta’ Kordin mill-2019 minn dakinhar li kien tressaq il-Qorti.
Intant, fi stqarrija li ħareġ il-Ministru għall-Ġustizzja u Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni qal li huwa doveruż li jkunu ċċarati kummenti fuq deċiżjonijiet tal-Qrati msejsa fuq argumenti politiċi, mingħajr bażi fattwali, loġika u legali.
B’referenza għall-ħelsien mill-arrest tas-Sur Yorgen Fenech, minn analiżi tal-proċeduri kif żvolġew, jirriżulta b’mod ċar li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjona għat-talbiet ta’ ħelsien mill-arrest.
“Il-Qorti Kriminali fid-digriet li nqara dalgħodu, filwaqt li rrikonoxxiet li l-oġġezzjonijiet tal-Avukat Ġenerali kienu ben fondati, qalet li l-garanziji li ressaq l-akkużat kienu ferm sodi li jistgħu joffru lill-Qorti dak is-serħan il-moħħ illi ser ikun hemm ottemperanza mad-digriet tagħha. Il-prosekuzzjoni hija lesta għal ġuri, liema ġuri jrid ikun appuntat mill-Imħallef kif isir f’kull każ,” itemm tgħid l-istqarrija.