Tfal minn madwar Malta qed jużaw l-arti biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli bħala parti mill-Esibizzjoni tal-Arti tat-Tfal Young Artists Big Impact li qed issir fi Spazju Kreattiv.
Din l-inizjattiva, organizzata mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, tpoġġi l-vuċijiet tat-tfal fil-qalba tas-sostenibbiltà. Permezz tal-arti, il-kant, il-letteratura, l-iskultura u l-vidjografija, l-istudenti tal-iskejjel primarji madwar Malta qasmu l-viżjoni tagħhom.
Waqt żjara fl-esibizzjoni, il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, iltaqgħet mat-tfal artisti u esprimiet l-ammirazzjoni tagħha għall-kreattività u l-kuxjenza tagħhom għall-ambjent. “Dawn ix-xogħlijiet ta’ arti huma riflessjoni tat-talent u dimostrazzjoni tal-valuri u l-ideat li t-tfal tagħna jħarsu lejhom b’għożża. Permezz tal-arti qed jesprimu sejħa għall-azzjoni u jfakkruna fl-importanza li nibnu futur aktar ġust u ambjent aħjar,” qalet il-Ministru.
Miftuħa għall-istudenti mir-4 sena sas-6 sena tal-iskola primarja, l-esibizzjoni tal-arti rċeviet total ta’ 247 sottomissjoni minn 14-il skola madwar Malta. Kull xogħol juri l-għarfien tal-istudenti dwar l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, b’enfasi fuq l-protezzjoni tal-ambjent u l-benesseri tas-soċjetà. Is-sejħa tal-parteċipazzjoni ġiet ikkordinata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.
L-iskejjel li ħadu sehem kienu: De La Salle Junior (Il-Birgu), San Benedittu Primarja (Ħal Għaxaq), Maria Regina Primarja Qawra, Santa Margerita Primarja (Senglea), Santa Klara Primarja (Pembroke), Santa Klara Primarja (Gżira),Santa Klara Primarja (San Ġwann), Saint Edward Junior (Il-Birgu), San Franġisk Primarja (Birkirkara), San Ġużepp Junior (Tas-Sliema), Santa Margerita Primarja (Ħaż-Żabbar), Saint Michael Junior (Pembroke), Santa Monika Primarja (Gżira), u San Nikola Primarja (Dingli).
L-esibizzjoni Young Artists Big Impact tmur id f’id mal-konferenza nazzjonali dwar ir-Rapport Volontarju Nazzjonali (VNR) ta’ Malta dwar l-SDGs, li saret iktar kmieni din il-ġimgħa. Il-konferenza ġabet flimkien uffiċjali tal-gvern, mexxejja mis-settur privat, akkademiċi u s-soċjetà ċivili biex jevalwaw il-progress ta’ Malta lejn l-Aġenda 2030. Matul l-istess avveniment, il-Ministeru nieda l-Premji għall-Azzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jirrikonoxxu l-inizjattivi li qed jagħmlu differenza fil-pajjiż.
Min-naħa tagħha, id-Direttur tad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, Francine Pace Caruana, spjegat li inizjattivi bħal dawn juru l-impenn tas-soċjetà favur is-sostenibbiltà, fejn it-tfal mhux biss jiġu inklużi imma jkunu parteċipanti attivi fit-tisħiħ tal-futur ta’ Malta.
L-esibizzjoni se tibqa’ miftuħa fi Spazju Kreattiv mill-Ħamis 3 ta’ Lulju sal-Ħadd 6 ta’ Lulju. Il-ħinijiet tal-ftuħ matul il-ġimgħa huma mid-09:00 sad-21:00, u fi tmiem il-ġimgħa mill-10:00 sad-21:00. Il-familji, l-għalliema u l-pubbliku ġenerali huma mistiedna jżuru din l-esebizzjoni.