Wednesday, December 25, 2024

Zach Cassar… jimpressjona proprju fl-ewwel staġun tiegħu ma’ Floriana

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

Minn ta’ età żgħira niftakarni nsegwi l-football fuq it-televiżjoni u fil-fatt bdejt nilgħab il-football ta’ sitt snin. 

Tista’ tgħid li l-football qiegħed fil-familja tiegħi hekk kif in-nannu, missieri, ħija u jien kollha lgħabna l-football. Aktar ma bdejt nikber aktar bdejt inħobb din il-logħba u llum il-ġurnata nista’ ngħid li l-football huwa parti kbira minn ħajti u għeni nikber fil-persuna li jien illum il-ġurnata. 

X’tikkummenta fuq dan l-istaġun kemm għalik personali kif ukoll bħala team?

Floriana bħalissa huwa team magħqud, players ta’ livell u ambjent pożittiv u għalhekk nemmen li bħala team qed nuru prestaz­zjonijiet pożittivi kif ukoll konsistenza matul dan l-is­taġun. 

Mil-lat individwali, nista’ ngħid li jien kuntent ħafna li nifforma parti minn din l-iskwadra u f’kull sessjoni ta’ taħriġ u f’kull logħba nagħti l-massimu tiegħi biex nipprova nkun kemm jista’ jkun ta’ ġid għall-iskwadra tiegħi. 

Taħseb li għandkom team b’saħħtu biżżejjed biex tirbħu l-kampjonat?

Mill-bidu tal-istaġun kemm l-amministrazzjoni tal-club kif ukoll dik  teknika ddiskutew mal-is­kwadra x’inhuma l-objettivi tagħhom. 

Kif kulħadd jaf, l-istorja tal-club Furjaniż hija waħda dekorattiva ħafna u dan huwa club prestiġjuż fil- football lokali. 

Kull player jixtieq li fil-karriera tiegħu jirbaħ kemm jista’ jkun unuri u dik ma tonqosx f’dan il-club. Nibqgħu naħdmu ġurnata b’ġurnata u nieħdu logħoba b’logħba, u ċert li b’konsegwenza ta’ dak li naħdmu għalih naslu għar- riżultat finali. 

X’tikkummenta fuq il-coach Gianluca Atzori?

Bla dubju, huwa coach ta’ esperjenza vasta u dan mhux biss għax ħadem f’diversi skwadri f’din il-kariga iżda għax huwa coach li għandu wkoll esperjenza bħala player f’li­vell għoli. 

L-istil li jħobb u li qed jinstiga lill-club tal-Floriana huwa wieħed ta’ football modern u ta’ intensitá għolja b’attitudni pożittiva u fuq l-attakk. 

Għalkemm huwa coach li qatta’ ħafna żmien l-Italja ma jittrasmettix stil ta’ football Taljan kif nafuh. Din turi li huwa wkoll coach kontemporanju u li juża l-eperjenza tiegħu u japplikaha fi stil progressiv ta’ kif miexi l-football bħalissa. 

Barra minn hekk, ma jonqosx ukoll ix-xogħol tal- assistant coaches Darren Vella u Simionato li jippreparalna l-parti atletika li jgħinuna ħafna biex nippreparaw ruħna kemm fi­żikament kif ukoll mentalment matul il-ġimgħa.

… u fuq il-kumitat ta’ Floriana mmexxi mill-president Johann Said?

Bħala kumitat flimkien mal-istaff tekniku nixtieq nirringrazzjahom talli urew fiduċja kbira fija u tawni din l-opportunitá biex nil­għab għal dan il-club prestiġjuz u ringrazzjament specjali jmur għall- president Johann Said u għal Anthony Gafá. 

Il-kumitat wera lill-players kollha x-xewqat tiegħu, qed jagħtuna wkoll il-mezzi ġusti li jgħinuna nilħqu l-objettivi li għandu l-club u j’Alla r-riżultati finali fl-aħħar tal-istaġun ikun ir- riżultat tax-xogħol kollu li jkun sar matul l-istaġun.

Tqis ukoll li fil-futur tissejjaħ fit-team nazzjonali mmexxi mill-coach Devis Mangia?

Bħala player, ix-xewqa tiegħi hija dejjem dik li nkun nifforma parti mit-team nazzjonali għax tabilħaqq hija xi ħaġa veru prestiġjuża li nirrappreżenta lil pajjiżi. 

Inħossni onorat li diġá kelli l-esperjenza li nkun mal-iskwadra nazzjonali tal-U21 u x-xogħol kollu li nagħmel huwa biex kemm jista’ jkun ngħolli l-livell biex ikolli opportunitá li nkun parti mill-iskwadra nazzjonali u biex forsi jkolli wkoll l-opportunitá li nilgħab barra minn xtutna.

Taqbel mal-format ta’ 12 il-team fil-Premier?

Aktar milli naqbel mal-format kif qed isir, aktar nisħaq fuq il-livell li wieħed irid jara fil- Kampjonat Premier. 

Għalkemm kull partita tkun missielta ripetutament qed naraw li numru ta’ skwadri jkollhom bżonn jagħmlu rinforzi kbar fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar biex jit­naqqas id-distakk tal-livelli.

Wara dan ir-rinfurzar il-logħob jidher li jkun wieħed aktar missielet u ta’ livell għoli. U l-mistoqsija tiegħi tkun, dan isir minħabba finanzi, u professjonalitá tal-clubs? Jew huwa biss riżultat li fil-bidu tal-istaġun ma jkunux saru akkwisti ġusti?

Temmen li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk t’isfel? 

Nemmen li hemm ċerti differenzi u din ġejja minn numri ta’ fatturi differenti. Nemmen li l-akbar fatturi huma dawk finanzjarji u professjonalità. 

Illum il-ġurnata, il-‘clubs ta’ fuq’ minbarra li nemmen li huma finanzjarjament aktar b’saħħit­hom, il-players huma aktar pro­fessjonali. 

Bi professjonali nifhem li l-players ikollhom salar­ju tajjeb ħafna mill-football, ‘full-time professio­nals’ fejn għalkemm forsi xorta waħda jkunu jaħdmu, huma jkunu aktar flessibbli fil-ħinijiet tagħ­hom għat-taħriġ u preparamenti oħra. 

Nemmen li players fi clubs oħra jkollhom aktar diffiultá bejn ix-xogħol full-time tagħhom u l-football fejn il-livell ta’ professjonalità b’dan il-mod diffiċli tilħaq il-‘clubs ta’ fuq’. 

X’tikkummenta fuq il- kwistjoni ta’ 11-il barrani?

Personalment, kif inhi s-sistema tal-football Malti bħalissa ma naqbilx magħ­ha, iżda għal darb’oħra nemmen li kwistjonijiet ikollhom it-tajjeb u l-ħażin.

Dan għaliex il-clubs se jkunu qegħdin joffru inqas opportunitajiet għall-players Maltin li jilagħbu f’dan il-livell. Min-naħa l-oħra, naqbel ma’ din il-proposta jekk il-fotball lokali jiġi professjonali, jiġifieri, il- players lokali jiġu full-time. 

X’taħseb fuq il-players barranin li forsi mhux dej­jem ikunu ta’ livell meta mqabbla mal-Maltin? 

Iva, għalkemm hawn players barranin ta’ livell għoli u hawn barranin li qegħdin itejbu l-livell Malti, nemmen li hawn barranin mhux ta’ livell meta kkumparati mal-players Maltin. 

U għalhekk, wieħed irid jara wkoll għaliex il-clubs qegħdin jagħżlu dawn il-barranin minflok il-Maltin.

Tista’ finalment tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċes fil-football?

L-ewwel ħaġa l-karriera tal-football tiegħi għadha fil-bidu taghha u fadalli ħafna x’naqdef biex ikolli karriera ta’ suċċess fil-football. 

Biss bħal kulhadd kont tifel b’xewqa u għan u fortunatament s’issa kelli esperjenzi ta’ football fl-ogħla livell tal-football Malti ma’ Birkirkara, Senglea Athletic, Gudja United u issa ma’ Floriana. 

Il-messaġġ tiegħi huwa li ħadd ma sab it-triq lejn is-suċċess faċli. Iżda din mhux fil-football biss ghax f’dak kollu li nagħmlu fil-ħajja, irridu naħdmu qatigħ biex nilħqu l-objettivi tagħna. Bla dubju li ħadd m’għandu jaqta’ qalbu meta jsib l-affarijiet diffiċli. 

Jekk titkellmu ma’ players ta’ suċċess, nista’ niggarantixxi li kollha għaddew minn episodji fejn riedu jieqfu jew jiddubitaw minnhom infushom … iżda ma qatgħux qalbhom. 

Il-ħajja mimlija ostakli iżda wieħed irid jemmen fih innifsu u jaħdem għal dak li vera jrid – jekk jagħmel hekk, jirnexxi żgur!

Ekonomija

Sport