Żagħżugħ ta’ 21 sena residenti Marsaskala, ġie arrestat wara li nqabad fil-pussess ta’ ammont tad-droga. Dan wara li lbieraħ, għall-ħabta tal-10:00 p.m, il-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra ġew infurmati li hemm bżonn l-assistenza tagħhom fi Triq il-Qawra minħabba li kien qam argument bejn xi persuni.
Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post iżda sakemm wasslu l-argument kien waqaf u l-persuni nvolti laħqu telqu minn fuq il-post. Iżda ġie nnutat li kien hemm xi ħsara fuq vettura u mutur li kienu pparkkjati. Waqt li l-Pulizija kienet għaddejja bl-investigazzjonijiet, ġew infurmati li f’vettura li kienet qed tinstaq fl-istess triq, hemm in-nies li kienu involti fl-argument.
Il-Pulizija minnufih waqfet il-vettura – Reanult Zoe – u mill-ewwel qajmet suspett. Għaldaqstant, il-Pulizija għamlu tfittxija fil-vettura u fuq ix-xufier – iż-żagħżugħ ta’ 21 sena – u nstab ammont ta’ sustanza suspettat droga ħaxixa tal-cannabis, żewġ mobiles u ammont ta’ flus kontanti.
Iż-żagħużgħ ġie arrestat u ttieħed fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana.
L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ qed jitmexxew mid-Distrett tal-Qawra.