Żagħżugħ ta’ 15-il sena li għandu l-passatemp li jfittex għal “teżori” fix-xmajjar b’kalamita b’saħħitha, irnexxielu jsib safe li fih kien hemm eluf ta’ dollari. Iż-żagħżugħ seraq il-qlub ta’ kulħadd meta għamel ħiltu kollha biex isib lis-sid ta’ dan is-safe u wara li rnexxielu jagħmel dan tah il-flus
lura.
George Tindale, akkumpanjat minn missiru, kien qiegħed ifittex fix-Xmara Witham ġewwa Grantham Lincolnshire meta f’daqqa waħda għamel sejba mhux tas-soltu. Il-missier u l-iben qalu li baqgħu mistagħġba hekk kif minn qalb it-tajn u l-ħama tellgħu safe żgħir li fih kien hemm $2,500 dollaru Awstraljan. Fih kien hemm ukoll ċertifikati u karti tal-bank skaduti. Grazzi għal dawn id-dokumenti huma rnexxielhom isibu l-proprjetarju. Is-sid kien Rob Everett, negozjant li 22 sena ilu kien safa misruq.
Huma żaru personalment lil Rob u dan tal-aħħar kien kuntent ħafna bis-sejba tant li offra lil George li jekk ikun jixtieq esperjenza ta’ xogħol wara li jitlaq mill-iskola l-bieb tiegħu huwa dejjem miftuħ.

