Ruslan Maggi ta’ 22 sena residenti n-Naxxar, ammetta quddiem il-Qorti li saq bi traskuraġni, tajjar żagħżugħ ieħor ta’ 16-il sena li kien qed isuq ir-rota fi Swieqi u telaq minn fuq il-post tal-inċident, u ħalla lill-vittma midrub fin-nofs tat-triq.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-inċident seħħ meta l-minuri kien qed isuq ir-rota fi triq prinċipali fis-Swieqi. Skont l-investigazzjonijiet li saru, il-karozza li kienet misjuqa minn Maggi laqtet lill-vittma bit-tifel jispiċċa mal-art. Kawża ta’ dan l-inċident il-vittma ġie ċċertifikat fil-periklu tal-mewt minħabba ġrieħi li sofra f’rasu. Dan wara li l-vittma ħabat mal-windscreen u l-istess windscreen tkissret.
Kien xufier ieħor li sab lill-vittma mal-art u waqaf biex jagħtih l-għajnuna. Skont il-Prosekuzzjoni wara ftit tal-ħin l-imputat mar lura fuq il-post tal-inċident bil-mixi u għen lix-xufier l-ieħor jieħu lit-tifel għand ommu. Kienet ommu li ħaditu l-isptar għal kura.
Skont dak ippreżentat fil-Qorti, il-vettura nvoluta fl-inċident spiċċat moħbija f’garaxx li jinsab 3 sulari taħt l-art.
Il-Pulizija ġew infurmati bil-każ waqt li l-vittma kien qed jiġi operat, filwaqt li r-rota tiegħu nstabet aktar tard fl-inħawi.
Wara l-ammissjoni tal-imputat, id-difiża talbet li jingħata sentenza ta’ ħabs sospiża hekk kif argumentat li dan kien inċident sfrotunat. Id-difiża allegat li l-vittma kien ħarab mir-residenza tal-familja tiegħu u saq fi triq traffikuża. Id-difiża qalet li l-klijent tagħha lest li jerfa’ r-responsabbilità ta’ dak li wettaq.
Il-Maġistrat Abigail Critien filwaqt li tat il-ħelsien mill-arrest lill-imputat taħt diversi kundizzjonijiet qalet li se tkun qiegħda tagħti s-sentenza tagħha fil-jiem li ġejjin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clive Abela, filwaqt li għad-difiża qed jidhru l-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud.

