Monday, February 23, 2026

Żagħżugħ jammetti li seraq b’€6,600 f’oġġetti minn karavan fl-Armier

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 20 sena residenti Birkirkara ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiża għal 4 snin wara li ammetta li madwar 4 snin ilu kien seraq minn karavan fl-Armier.

Dakinhar li kien wettaq din is-serqa kien għadu taħt l-età u għalhekk il-Qorti ordnat li ismu ma jixxandarx. 

L-imputat ammetta quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia li fil-lejl ta’ bejn id-19 u l-20 ta’ Ottubru, 2021 kien wettaq din is-serqa minn riq ir-Ramla tat-Torri l-Abjad, limiti tal-Mellieħa.

Il-Qorti qieset li l-imputat  għandu fedina penali netta u kkopera mal-Pulizija tant li mhux biss kixef min kien involut fis-serqa miegħu imma se jixhed fil-proċeduri kriminali kontra din il-persuna.

Ġie kkunsidrat ukoll li meta wettaq dan ir-reat kellu biss 16-il sena u għalhekk il-piena kellha titnaqqas bi grad jew tnejn. 

Il-Qorti wara li qieset kollox u anke semgħet l-ammissjoni tal-imputat ikkundannatu sentenza ta’ ħabs sospiża waqt li ħarġet ordni ta’ superviżjoni għal 3 snin biex jindirizza l-vizzju tad-droga u kkundannatu jħallas lil sid il-karavan €3,399, jiġifieri nofs il-valur tal-oġġetti misruqa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport