Żagħżugħ ta’ 23 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tlett snin wara li tressaq il-Qorti mixli li ħareġ tqila lit-tfajla ta’ 15-il sena.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-investgazzjoni tal-Pulizija bdiet hekk kif it-tfajla ta’ 15 -il li kienet tqila daħlet l-Isptar Mater Dei u kien Mater Dei stess li għamlet rapport lic-Child Protection Services.
Mal-Pulizija, it-tfajla u ż-żagħżugħ ammettew li kellhom relazzjoni sesswali bejniethom u li ħadd minnhom ma’ kien sfurzat li jagħmel dan. Fil-Qorti, ġie spjegat li waqt li kienet qed twelled it-tfajla talbet lill-ġuvni jbaxxi l-volum tal-mobile, dan allegatament sabbtu mal-art.
Fil-Qorti, ingħad ukoll li kawża ta’ dan l-att, sar ukoll rapport lit-taqsima tal-Pulizija li tinvestiga l-każijiet ta’ vjolenza domestika. Min-naħa tagħha, it-tfajla qalet l s-sess bejnha u bejn il-ġuvni sar b’kunsens mit-tnejn.
Żiedet tgħid li kienet tħobbu u li ma xtaqtix tixhed kontrih għax tixtieq tkompli tgħix miegħu. Min-naħa tagħha, l-omm tat-tfajla qalet li llum ir-relazzjoni bejn bintha u l-akkużat intemmet. Sostniet li temmen li bintha u l-akkużat ġabu t-tarbija fid-dinja biex jivvendikaw ruħhom minnha.
Fix-xhieda tagħha, l-omm kompliet tispjega li hi xtaqet li r-relazzjoni bejn biintha u l-ġuvni tintemm minħabba d-differenza fl-età. Sostniet li bintha ġiet stuprata u kien hemm anke proċeduri kriminali dwar dan.
Żiedet li l-akkużat refa’ jdejha fuq bintha u semmiet ukoll kif din inqabdet tqila minn raġel ieħor. Wara li semgħet dawn il-provi, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit sabet lill-akkużat ħati u poġġietu taħt probation.