Sheldon Micallef ta’ 18-il sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien tressaq il-Qorti mixli li ħarab minn ċentru ta’ riabilitazzjoni tal-Caritas mingħajr permess.
Il-każ jorbot mal-perjodu ta’ wara s-sentenza tiegħu f’Marzu li għadda, meta kien ġie kkundannat għal 20 xahar ħabs, iżda kien ingħata tliet settijiet ta’ ħelsien mill-arrest u wkoll leave mill-ħabs sabiex jattendi programm ta’ riabilitazzjoni f’Caritas.
L-Ispettur James Mallia qal fil-Qorti li l-Pulizija kienu ġew informati mill-Caritas li Micallef kie ntelaq mill-programm mingħajr awtorizzazzjoni. Kien għalhekk li l-Pulizija mill-ewwel bdew tfittixja għalih fejn wara li ġie arrestat kien tressaq il-Qorti akkużat fost l-oħrajn li il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest li kienu diġà imposti fuqu, kif ukoll li huwa recidiv.
Meta tressaq il-Qorti ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda aktar tard fil-proċeduri kienet saret talba mill-avukati tiegħu. Il-Qorti ddeċidiet li tagħtih il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.
Huwa ġie ordnat iħallas depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,500. Micallef ġie ordnat jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Mosta u li ma jistax joħroġ mid-dar ta’ bejn it-8.00pm u s-7.00am.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur James Mallia, filwaqt li d-difiża tal-imputat qed tkun rappreżentata mill-Avukat Nicholas Mifsud.