Żagħżugħ ta’ 27 sena u residenti Raħal Ġdid, kmieni dalgħodu tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku f’Pembroke. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1:00 a.m., fi Triq Sant’Andrija.
Mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn BMW 1 Series misjuqa minn raġel ta’ 22 sena residenti San Pawl il-Baħar u mutur Honda misjuq mill-vittma. Ix-xufier tal-mutur minnufih ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara. Il-Maġistrat Dr Ian Farrugia LL.D ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.