Thursday, January 29, 2026

Żagħżugħ mixli b’serq ta’ mobiles jingħata l-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Sheldon Micallef ta’ 18-il sena residenti l-Mosta ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li l-Ġimgħa 23 ta’ Jannar seraq minn ħanut tal-mobiles fin-Naxxar.

Hu ġie mixli b’serq ta’ mobiles li l-valur tagħhom jaqbeż l-€2,333, kif ukoll li kien kompliċi f’dan is-serq. Micallef kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti f’każijiet li kienu deċiżi f’Ottubru li għadda mill-Maġistrati Gianella Camilleri Busuttil, Abigail Critien u Claire Stafrace Zammit.

Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi l-Prosekuzzjoni qalet li kienet bdiet tinvestiga s-serqa wara li rċiviet rapport li minn investigazzjonijiet li saret kien ġie arrestat raġel Għarbi. Hu kien tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li kienu nsterqu ħames iPhones minn l-istabbiliment kummerċjali fin-Naxxar.

Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li l-imputat kellu għandu tlieta minn ħames mobiles li nsterqu.

L-avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud li qed imexxu d-difiża ressqu social worker jixhed biex isaħħu l-argumenti tagħhom li l-imputat għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest. Is-social worker xehdet dwar iċ-ċirkostanzi personali tal-imputat.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,000 flimkien ma’ għadd ta’ kundizzjonijiet oħra.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brandon Bonnici mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Joseph Mallia. Għall-akkużat dehru l-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport