Monday, May 20, 2024

Żagħżugħ mixli li ħebb għal ommu tqila b’sikkina

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 16 il-sena minn Ħ’Attard tressaq il-Qorti akkużat li fit-3 ta’ Jannar ħebb u hedded lil ommu li qed tistenna tarbija. Ommha għandha 9 xhur tqala. Dan l-allegat każ seħħ ukoll fil-preżenza ta’ oħtu li għad għandha 4 snin.

L-Ispettur Audrey Micallef li qed tmexxi l-prosekuzzjoni qalet li meta l-pulizija waslu fir-residenza f’Ħ’Attard fejn seħħ l-allegat każ sabet lill-vittma barra mbeżżgħa.

Meta ġiet mitkellma mill-pulizija l-omm qalet li kien inqala argument ma’ binha dwar xi ħwejjeġ u tant kemm dan l-argument eskala li mar ġab sikkina u neda jagħmilha ma’ wiċċha. Fl-istess argument binha allegatament waddab is-sikkina fid-direzzjoni t’ommu.

L-akkużat instab fl-istess residenza fuq il-bejt u l-pulizija għamlu minn kollox biex jikkalmawh hekk kif deher eċitat ħafna u jgħid li ma jridx imur il-ħabs.

Id-difiża taż-żagħżugħ immexxija mill-Avukati Dustin Camilleri u Ezekiel Psaila għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-avukat tal-omm Mark Zammit Cutajar qal li f’dan l-istadju għandu jibqa’ jinżamm arrestat fejn anke talab lill-Qorti biex tagħti s-sigurtà lil omm u lit-tarbija li daqt titwieled.

Waqt li d-difiża kompliet bl-argumenti tagħha dwar il-ħelsien mill-arrest, qalet li l-akkużat ibati mill-kundizzjoni tal-ADHD u li jtemtem. Sostniet li dan mhux il-bully li l-prosekuzzjoni qed tipprova tpenġi. Skont id-difiża, iż-żagħżugħ qal li hu m’għandux min iħobbu u qatt ma kellu min iħobbu.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Gatt ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja għax m’għandhiex fiduċja li l-imputat ser jogħqod għall-kundizzjonijiet imposti fuqu.

Il-Maġistrat ordnat li ż-żagħżugħ jinżamm arrestat fit-taqsima tal-YOURS biex jingħata l-għajnuna meħtieġa anke permezz ta’ social worker.

Sport