Żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti Birżebbuġa nżamm arrestat wara li ġie mixli li s-Sibt li għadda kellu x’jaqsam sesswalment ma’ tfajla ta’ 13-il sena fiż-Żejtun.
L-imputat ġie mixli li wettaq atti ta’ natura sesswali fuq it-tfajla, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha u li kkorrompiha. Huwa kien mixli wkoll li kien fil-pussess u li forna l-kannabis u li sar reċediv.
Fil-Qorti ħareġ li l-akkużi kienu riżultat ta’ investigazzjoni tal-pulizija dwar rapport ta’ tfajla li kienet irrappurtata nieqsa wara li kienet għebet minn waħda mid-djar tat-tfal. Intqal li l-imputat kien qatta’ l-lejl ma’ xi ħbieb f’dar abbandunata fiż-Żejtun u kien hemmhekk fejn seħħ l-att sesswali, bl-allegata vittma tgħid li kienet tat il-kunsens tagħha.
It-tifla tkellmet ma’ dawk li kienu qed jieħdu ħsiebha u qalet li l-imputat ipprova jagħmel sess magħha għat-tieni darba, iżda ma riditx u li huwa aċċetta dan u waqaf.
Il-Prosekuzzjoni qalet li meta ż-żewġ żgħażagħ kienu fil-kumpanija ta’ xulxin kienu wkoll pejpu l-kannabis, li kien kiseb l-imputat. Huwa qal ukoll li l-imputat, li jinsab mingħajr impjieg, riċentament kien ukoll il-ħabs fuq każ ieħor.
F’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Doriette Cuschieri megħjuna mill-Avukati Sean Gabriel Azzopardi u Danika M. Vella mill-Uffiċċju tal-Avukati Ġenerali. L-Avukat Brandon Kirk Muscat deher għall-imputat.