Sunday, October 27, 2024

Żagħżugħ promettenti ta’ Floriana jitkellem dwar id-dedikazzjoni tiegħu b’ħolma li jissejjaħ man-nazzjonal

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

Minn mindu kont żgħir dejjem ħabbejt il-logħba. Missieri kien jimbutanni biex nipprova nibda nil­għab u awtomatikament urejt mill-ewwel li ma ngħix mingħajr ballun.

Bdejt ma’ Pembroke Athleta u dak iż-żmien kont nagħmel tmiem il-ġimgħa mid-9.00 am u mmur id-dar niekol, ninħasel u nerġa’ nmur nilgħab sas-1.00 am ħafi ġo ground żgħir li jkun imdawwar bl-injam. Kont nispiċċa kollni nuffati.

Kont nilgħab kontra kull minn insib anke kontra nies seba’ snin ikbar minni u kulma kelli seba’ jew tmien snin. Dik kienet l-imħabba tiegħi lejn il- football.

X’tikkummenta fuq l-andament ta’ dan l-staġun sa issa kemm għal Floriana kif ukoll għalik personali?

Nemmen li dan l-istagun huwa pozittiv ħafna speċjalment meta kkumparat mal-istaġun li għadda.

L-iskwadra hija magħ­quda ħafna u qed nitgħal­lmu ħafna mingħand il-coach Gianluca Atzori.

Nemmen li għaqqad it-team sew u nemmen ukoll li bis-saħħa tiegħu aħna wieħed mill-aqwa timijiet ta’ dan l-istagun. Għad jonqos ħafna iktar logħbiet fejn nistgħu nuru l-poten­zjal tagħna bħala team u rridu nieħdu kollox logħba logħba u niggwadanjaw kemm nistgħu punti.

Fuq livell personali nħoss li qed nitjieb fl-aspetti diversi tal-logħba, speċjalment mentalment u fiżikament. 

Inħoss li qiegħed ma’ club organizzat u li jrid l-aħjar għalija u x-xewqa tiegħi hija li nagħti lura b’dak li nagħmel ġol-pitch.

X’tikkummenta fuq il-coach Gianluca Atzori?

Rigward il-coach Gian­luca Atzori, nista’ ngħid li huwa bniedem li jħobb jirbaħ u nemmen li s’issa kien strumentali fl-istaġun tal-club ta’ Floriana. 

Tgħallimt ħafna mingħandu u nemmen li nistgħu naslu biex niksbu post fil-UEFA Europa League jekk nobdu l-istruzzjoni­jiet tiegħu.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fil- Kampjonat Premier?

Din is-sena nemmen li l-livell tat-timijiet iż-żgħar għola ħafna. B’hekk nemmen li m’hemmx differenza kbira ħafna daqs is-soltu. Peró, ovvjament, ir-reputazzjoni ta’ ċerti clubs xorta tibqa’ ikbar minn ta’ timi­jiet oħra. 

Niġu issa għall-kwistjoni tal-players barranin fil- Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il player barrani f’team?

Le ma naqbilx. Peró, nemmen li jistgħu jżidu iktar fuq il-bank sabiex ikun hemm rotazzjoni aħjar waqt il-logħob. Dan sabiex xorta waħda jitjieb il-livell. Peró, fl-istess ħin, players Maltin jistgħu jingħataw iċ-ċans juru dak li jafu fil-ground. 

Taħseb li l-players barranin li qed jiġu jilagħbu f’pajjiżna mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-players Maltin?

Nemmen li hemm ħafna barranin li huma ta’ livell u li jistgħu ikunu ta’ għajnuna kbira għalina l-players.

Peró, wieħed ma jistax ineħħi mill-mertu u t-titjib li qed jagħmlu l-players Maltin. Nemmen li bit-titjib li qed jagħmel it-team nazzjonali, il-players Maltin ser jgħollu l-livell u jkomplu jitjiebu. 

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek mat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena?

Kienet esperjenza sabiħa ħafna fejn nemmen li tjibt ħafna u kelli togħma ta’ kif ikunu l-logħob nazzjonali.

Issa l-pass li jmiss huwa li nikkompetti mat-team nazzjonali tal-kbar.

Tqis li fil-futur tibda tissejjaħ b’mod regolari mat-team nazzjonali tal-kbar?

Nemmen li iva għaliex qed naħdem ħafna fuq l-affarijiet li jrid il-coach nazzjonail Devis Mangia mingħandi u ninsab lest biex nuri fil-pitch dak li ħdimt għalih. 

Kemm int kuntent bil-grounds fejn tilagħbu l- logħob tal-Kampjonat Premier?

Nemmen li jista’ jkun hemm titjib. Peró, nifhem li mhijiex xi ħaġa faċli minħabba li qed isiru ħafna logħbiet matul l-istaġun u nużaw żewġ grounds biss. Peró, xorta waħda nis­ta’ ngħid li l-grounds huma diċenti. 

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referees matul dan l-istaġun sa issa?

Ma nixtieqx nikkummenta peress li mhuwiex kompitu tiegħu li nagħmel dan. 

X’inhuma s-sagrifiċċji li player tal-football irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Player irid jagħmel il-footbol prijoritá f’ħajtu u jaħdem minn filgħodu sa filgħaxija jekk jixtieq jasal.

L-ikbar sagrifiċċju huwa li jaqleb professjonali u li jilgħab barra minn Malta ma’ skwadra li tikkompeti f’kampjonat tajjeb u professjonali. 

Apparti minn hekk, hemm sagrifiċċji oħra per­eżempju li joqgħod attent x’jiekol u x’jixrob u kemm jieħu t-taħriġ bis-serjetá. 

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudji tieghek u mal-football?

Jien kont nistudja Accounting u Management l-Universitá ta’ Malta. Dan mhuwiex kors faċli u għalhekk insibha diffiċli biex inlaħħaq mat-tnejn. 

Peró, nemmen li kienet deċiżjoni tajba li stennejt sakemm gradwajt. Għalhekk iddeċidejt li wara li ggradwajt matul is-sena li għaddiet, niffoka fuq football biss. L-iskola hija importanti għal l-ħajja wara l-football. 

Kif qed tħares lejn il-futur tieghek fil-football?

Jien bniedem pożittiv u nemmen li l-football ser ikun xogħli. Apparti minn hekk, il-football huwa xi ħaġa li nħobb nagħmel ħafna. Peró, irrid ‘nuri kliemi’ fil-pitch u naħdem iktar milli naħdem is-soltu. 

Apparti mil-logħba tal- football, jien inħobb naħdem ħafna fuq l-affarijiet li jwassluni biex insir player aħjar. Pereżempju, inħobb naħdem ħafna fil-gym u nħobb nitgħallem fuq l-aspett mentali. 

Inħobb ukoll niekol l-affarijiet li se jagħtuni s- saħħa u jgħinuni niżviluppa. Ix-xewqa tiegħi hija li nmur nilgħab barra minn Malta u b’hekk irrid in­kompli naħdem ħafna fuq dawn l-affarijiet b’konsistenza. 

Nixtieqek tgħaddi l-aħ­ħar messaġġ lil dawk it-tfal u  żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-football. 

Se jkun hemm żmien fejn taqtgħu qalbkom u se jkun hemm mumenti fejn in-nies ser jgħidulek li mhux se tasal. 

Il-parir tiegħi huwa li ma tagħtix kas u ma taqta’ qalbek qatt. Faċli tgħid hekk, peró ħaġa importanti fi kwalunkwe player hija li juri personalitá u dan huwa mod biex turi l-ewwel pass.

Kien hemm coach li dej­jem qalli li “l-iktar ħaġa importanti hija li dejjem nagħti risposta fil-pitch u qatt bil-paroli” … u tgħallimt ħafna minn dik il-frażi, tant, li baqgħet mie­għi sal-lum il-ġurnata. 

Sport