Friday, April 26, 2024

Żagħżugħ ta’ 17-il sena mixli b’theddid fuq ommu

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 17-il sena nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li kkaġuna lil ommu biża’ li se tintuża vjolenza kontriha. 

L-imputat, li fil-Qorti kien akkumpanjat minn missieru, ġie mixli wkoll li hedded lil ommu u li għamel użu ħażin ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika.

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif it-Tlieta li għadda l-omm kienet għamlet rapport dwar binha, li kien ilu jagħmel użu minn sustanzi illeċti għal dawn l-aħħar tliet snin.

Hija kienet ilha twissih biex jieħu ħsieb saħħtu u talbitu kemm-il darba biex jieqaf minn dan il-vizzju. Madankollu, is-sitwazzjoni eskalat ftit jiem wara l-Milied.

Il-Prosekuzzjoni żiedet tispjega li dakinhar ma kien seħħ l-ebda argument bejn l-omm u t-tifel tagħha, iżda malli din daret sabet lil binha warajha b’sikkina f’idejh. 

L-imputat kien allegatament qal lil ommu: “ħsibt li din se tkun l-aħħar ġurnata tiegħek hux.” Wara dak l-episodju, l-omm bdiet tirċievi sensiela ta’ messaġġi li kien fihom theddid fuq ħajjitha u wara li ma felħitx aktar għal dan marret tagħmel rapport lill-pulizija. 

Fil-Qorti, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi, b’mod partikolari fid-dawl li l-allegata vittma għad trid tixhed u n-natura serja tar-reati. 

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja u ordnat li l-imputat jinżamm fil-faċilità taż-żgħażagħ YOURS. Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ trattament fil-konfront tal-imputat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef. L-Avukat Martina Herrera dehret għaż-żagħżugħ. L-Avukati Helga Buttigieg Debono u Mario Buttigieg deher parte civile. 

Sport