Żagħżugħ ta’ 18-il sena minn Ħaż-Żebbuġ tressaq il-Qorti akkużat li hedded u estorta flus mingħand in-nanniet tiegħu, f’każ marbut ma’ allegat vizzju tal-logħob.
L-akkużat, Jonathan Bonnici, li huwa bla xogħol u ex DJ, kien irrappreżentat mill-avukata tal-għajnuna legali Yanika Barbara Sant, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi.
Il-Qorti semgħet kif fis-6 ta’ April, għall-ħabta tal-1:15am, sar rapport mal-unità tal-vjolenza domestika f’Santa Luċija minn koppja anzjana kontra n-neputi tagħhom li jgħix magħhom. Huma allegaw li Bonnici għandu problema tal-logħob u kien ilu jitlobhom flus taħt theddid kontinwu.
Skont ix-xhieda, mill-bidu ta’ April sal-ġurnata tar-rapport, in-nanniet tawh madwar €5,000. Huma sostnew li meta jirrifjutaw jagħtuh flus, l-akkużat kien jheddidhom, iqattalhom il-ħwejjeġ u saħansitra kien iġiegħel lin-nannu joħroġ miegħu f’nofs ta’ lejl biex imorru jirtiraw flus minn ATM.
Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li ġiet elevata sikkina li allegatament intużat mill-akkużat biex jhedded lill-qraba tiegħu.
Intqal ukoll li waqt li n-nanniet kienu qed jagħmlu r-rapport lill-pulizija, Bonnici ċempel u bagħat messaġġ lin-nanna tiegħu biex jistaqsi jekk kienx hemm €10 fid-dar.
L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti tatu ftit ħin biex jerġa’ jaħseb fid-deċiżjoni tiegħu, iżda wara li għadda dan iż-żmien, huwa kkonferma mill-ġdid il-plea ta’ ħtija tiegħu.
L-avukata sostniet li l-akkużat qalla li hu fl-ebda ħin ma għamel użu ta’ sikkina, u li vera li talab il-flus iżda qal li ma kienux kolla għalih minħabba li fl-istess residenza hemm xi ziju li jagħmel użu minn sustanzi u dawn il-flus kien se jagħti minnhom lilu.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-qorti sabet lill-imputat ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u poġġietu taħt ordni ta’ probation u ordni ta’ trattament, għal tlett snin. Apparti minn hekk inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur iż-żewġ vittmi

