Il-Qorti timponi ordni ta’ trattament, probation u trażżin wara li nstab li jbati minn problemi relatati mal-vizzju tad-droga
Żagħżugħ ta’ 19-il sena mill-Mosta, li hu bla xogħol, ammetta akkużi serji ta’ vjolenza domestika kontra l-ġenituri tiegħu, f’każ li ħareġ minn rapporti magħmula mill-istess omm u missieru.
Fil-Qorti nstema’ kif il-ġenituri tal-imputat irrapportaw lill-Pulizija li binhom għandu vizzju tad-droga u li kien beda jmur spiss id-dar tagħhom f’Ħal Lija, minkejja li ma jgħixx magħhom.
huwa ġie akkużat wkoll li kkaġuna xi ġrieħi ħfief fuq ommu.
Skont ix-xhieda, is-sitwazzjoni kienet waslet biex l-omm bdiet tibża’ minn binha, tant li meta kien imur id-dar kienet titlob lil uliedha l-oħra biex jgħidulu li hi ma kinitx hemm, filwaqt li kienet tmur tinħeba fil-kamra tal-banju.
L-akkużi jinkludu diversi inċidenti ta’ vjolenza u theddid fil-konfront tal-ġenituri tiegħu, kif ukoll imġiba aggressiva li allegatament seħħet f’aktar minn okkażjoni bejn is-17 u d-19 ta’ Marzu 2026 ġewwa r-residenza tal-familja f’Ħal Lija.
Fil-Qorti ħareġ ukoll li l-imputat allegatament għandu problemi mediċi u ma kienx qed ifittex l-għajnuna meħtieġa, fatt li tqies mill-Prosekuzzjoni meta talbet lill-Qorti tikkunsidra miżuri ta’ trattament u kontroll.
L-imputat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti imponiet ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ tliet snin sabiex jindirizza l-problemi relatati mal-kundizzjoni tiegħu.
Barra minn hekk, ġiet imposta ordni ta’ trażżin għal tliet snin biex jipproteġi lill-vittmi, kif ukoll probation għall-istess perjodu.
Il-Qorti enfasizzat il-ħtieġa li l-imputat jirċievi l-għajnuna meħtieġa filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ġenituri tiegħu.
L-akkużat kien qed jiġi rrapreżentat mill-avukat Mario Mifsud


