Żagħżugħ ta’ 20 sena nżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti t’Għawdex mixli li stupra l-aħwa tar-rispett u lil oħtu bijoloġika fuq perjodu ta’ seba’ snin.
L-imputat, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien mixli li wettaq l-abbuż fuq l-aħwa tar-rispett fir-residenza tagħhom fil-Qala filwaqt li abbuża minn oħtu bijoloġika li dak iż-żmien kellha 9 snin.
Il-Maġistrat Simone Grech semgħet kif il-vittmi kellhom 10 u 11-il sena filwaqt li l-imputat kellu 13-il sena meta beda l-abbuż.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, u saret talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona u titlob ordni ta’ protezzjoni favur l-allegati vittmi.
Il-Maġistrat Grech ħarġet ordni ta’ protezzjoni u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li għad iridu jixhdu l-allegati vittmi. Kien għalhekk li baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Busuttil flimkien mal-Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.