Il-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Russell Ghiller, li qed jiġi akkużat b’numru ta’ reati serji relatati ma’ traffikar ta’ cannabis u kokaina.
Russell Ghiller, ta’ 22 sena u residenti l-Isla, tressaq taħt arrest quddiem il-Qorti tal-Maġistrati nhar it-Tnejn 23 ta’ Frar 2026, akkużat b’numru estensiv ta’ reati relatati mad-droga.
Il-Pulizija, akkużatu li kellu fil-pussess tiegħu l-pjanta cannabis f’ċirkustanzi li jindikaw li ma kinitx maħsuba għall-użu esklussiv personali. Huwa qed jiġi akkużat ukoll li biegħ, ittraffika u assoċja ruħu ma’ persuni oħra f’Malta jew barra minn Malta għall-finijiet tat-traffikar ta’ cannabis.
Barra minn hekk, Ghiller qed jiġi akkużat li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina mingħajr l-ebda awtorizzazzjoni meħtieġa skont il-liġi, f’ċirkustanzi li juru li lanqas din ma kienet maħsuba għall-użu personali.
L-imputat, wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. Id-difiża, immexxija mill-Avukat Mark Mifsud Cutajar, talab għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu, wara li semgħet is-sottomissjonijiet kemm tal-Prosekuzzjoni, rappreżentata mill-Ispettur Nico Zarb u l-Avukat tal-Avukat Ġenerali Valentina Cassar, kif ukoll tad-difiża, il-Qorti ddeċidiet li tiċħad it-talba għall-bail.

