Thursday, June 19, 2025

‘Żammejna sodi bħala tim sal-aħħar u rnexxielna nġibu t-Tazza Malta’ – Nathan Pace Gasan

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-hockey?

Jien kont nattendi s-‘Summer School’ tal-iskola St Dorothy Ħaż-Żebbuġ ta’ seba’ snin, u wieħed mill-isports offruti kien proprju l-Hockey, li mill-ewwel laqatni. Il-kowċ kien Keith Calleja li għenni ħafna u llum nilgħab miegħu ukoll fit-tim tal-kbar ta’ Qormi Daikin Hockey Club. Bdejt immur għat-taħriġ fejn kelli lill-kowċ John Williams li għenni ħafna fil-ħiliet tiegħi fil-hockey. Illum inħares lura u napprezza dak kollu li għamlu miegħi kull kowċ li kelli.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq l-esperjenza mill-aqwa li kellkom fil-Euro Challenge Cup fin-Norveġja?

Kellna esperjenza tajba ħafna, fejn ġejna promossi għal Division 2. Kellna nħabbtu wiċċna ma’ avversarji vera b’saħħithom, imma żammejna sodi bħala tim sal-aħħar u rnexxielna nġibu it-Tazza mal-unuri Malta.

X’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess tar-rebħ tal-Kampjonat u tan-Knock-Out għal darb’oħra minn Qormi Daikin Hockey Club fil-ġimgħat li għaddew?

Fil-veritá m’hemmx sigrieti. L-għaqda u r-rispett li hemm fit-tim huma kollox u ħidma kontinwa biex dejjem inkomplu nitjiebu bħala tim.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Andre Ghio?

Il-kowċ Andre Ghio dejjem għenna bis-sħiħ biex noħorġu l-aħjar tagħna, jemmen ħafna fina u huwa persuna ta’ dixxiplina kemm waqt it-taħriġ kif ukoll waqt il-logħob.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

L-ikbar suċċessi li ksibna bħala tim s’issa huma r-rebħ tal Euro Hockey Challenge Division 3 li ksibna għal tliet darbiet u jien kont dejjem parti mit-tim.  Din is-sena rbaħna t-Tazzi kollha li saru Malta, u s-sena l-oħra kont parti mit-tim nazzjonali tal-hockey ta’ Malta. Is-sena l-oħra wkoll kont onorat bl-unur tal-Players’ player tas-Sena 23/24 tal-klabb tagħna Qormi, li kien unur kbir għalija personali.

Kif tqis il-livell tal-hockey f’pajjiżna fil-preżent?

Għal pajjiż żgħir li aħna għandna livell tajjeb ta’ logħob għax kapaċi nirbħu kontra timijiet barranin li jkollhom kumplessi / riżorsi aħjar.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Ir-riżorsi f’pajjiżna huma batuti speċjalment il-Grawnd nazzjonali tal-hockey f’Malta. Minħabba f’hekk ma tistax toħroġ il-potenzjal kollu waqt il-logħob. Min-naħa l-oħra, il-grawnd li joffrielna l-klabb ta’ Qormi huwa ħafna aħjar iżda limitat fil-kobor.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Il-Hockey f’Malta għadu qed jiżviluppa meta kkumparat ma’ sports oħrajn, għalkemm il-komunitá tagħna hija żgħira, il-passjoni għal dan l-isport hija kbira u għalhekk kburin bl-unuri li ksibna s’issa għal Malta.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-hockey?

Il-Hockey huwa parti importanti f’ħajti, u narani involut fil-hockey għal iktar ‘il quddiem. Irrid inkompli intejjeb lili nnifsi bħala plejer ħalli nsaħħaħ iktar lili nnifsi teknikalment, fiżikament u mentalment.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-hockey.

Inħeġġeġ bis-sħiħ biex jiġu jippruvaw dan l-isport għal ħafna raġunijiet. Bil-hockey iżżomm ruħrk attiv, titgħallem ħiliet ġodda u tiltaqa’ ma’ ħbieb ġodda. Fil-komunitá tagħna ssib min jgħinek biex titħarreġ sew f’ dan l-isport. Se tieħu pjaċir żgur!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport