Thursday, December 26, 2024

Zammit Lewis: “Fis-saltna tad-dritt għamilna passi ta’ ġgant”

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis iddikjara fil-Parlament li l-Gvern għamel “passi ta’ ġgant” fis-saltna tad-dritt u l-governanza.

Huwa sostna dan waqt li kien qed jindirizza s-seduta tal-Ħamis filgħaxija li fiha ġew diskussi l-estimi għall-ministeru tiegħu mħabbra fil-Budget 2021.

Zammit Lewis saħaq li l-Gvern mhux biss jemmen fis-saltna tad-dritt u l-governanza imma qed jinvesti fiha minkejja li l-pajjiż għaddej minn żmien diffiċli minħabba l-pandemija.

Huwa irrefera għar-riformi kostituzzjonali u semma kif waqt li fl-2018 l-Oppożizzjoni kienet tikkritika lill-Gvern għax m’għamilhomx issa qed tgħid li qed jgħaġġel meta kienet hi stess li qablet magħhom u l-vot fil-Parlament kien unanimu.

Il-ministru responsabbli mill-ġustizzja irrefera għall-kritika li fil-kawża li l-għaqda Repubblika fetħet fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kontra Malta l-Gvern ma kellux avukat Malti u waqt li sostna li kien hemm semma kif kien hemm ukoll espert barrani biex jgħin.

Dwar il-ħatriet tal-ġudikanti wissa li jekk qed issir kritika mill-Oppożizzjoni fuq ir-riforma li saret fl-2016 aħseb u ara x’għandu x’jingħad dwar is-sistema preċedenti fejn il-ministru responsabbli mill-ġustizzja kien jaqbad u jaħtra maġistrat jew imħallef għax ifettillu hu.

Huwa irrefera wkoll għall-ħatriet fil-ġudikatura fejn sostna li ma jfissirx li għax jiżdiedu l-ġudikanti se nsolvu l-problemi għax jiddependi. wkoll mill-effiċjenza.

Hawnhekk sostna li l-kawżi m’għandhomx dejjem jibdew fid-9.00 a.m. imma għandhom isiru wkoll waranofsinhar u semma wkoll għall-proġett li qed isir fi Strada Stretta biex fihom ikun hemm erba’ awli ġodda u 25 uffiċċju.

Zammit Lewis spjega wkoll kif qed isir investiment fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u dak tal-Avukat tal-Istat u anke f’dak tal-Avukati tal-Għajnuna Legali fejn għamilha ċara li mhux aċċettabbli li l-ġustizzja tkun tiddependi minn kemm persuna jkollha flus.

Jason Azzopardi: issa beda jinħass il-ħmieġ tat-tmexxija tal-Gvern

Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Jason Azzopardi iddikjara fil-Parlament li issa beda jinħass il-ħmieġ tat-tmexxija tal-Gvern.

Waqt li kien qed jindirizza s-seduta parlamentari li fiha ġew diskussi l-estimi tal-imsemmi ministeru, Azzopardi iddeskriva bħala “gidba” li tgħid li l-Kummissjoni Ewropea tqis bħala ‘best practice’ l-emendi li saru fil-qasam tal-ġustizzja u sostna li r-riformi li qed isiru mhux grazzi għall-Gvern.

Huwa wissa li l-investituri jibdew jaħsbu jekk jinvestux barra pajjiżhom minn erba’ snin qabel u esprima d-dubji tiegħu dwar jekk Malta hux se tgħaddi mill-eżami tal-Moneyval.

Dr Azzopardi irrefera wkoll għar-rapport li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joseph Cuschieri mar Las Vegas ma’ Yorgen Fenech u sostna li Cuschieri huwa magħruf għall-bażużliżmu tiegħu.

Id-deputat Nazzjonalista semma wkoll il-każ li fetaħ f’isem l-għaqda Repubblika fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-ħatra tal-ġudikanti u iddeskriva bħala “umiljazzjoni” li l-Gvern iddefendewh avukati barranin mentri qal li huwa kburi li tkellem bil-Malti.

Azzopardi staqsa wkoll lill-Ministru Zammit Lewis jekk jaqbilx li uffiċjali governattivi jinżammu milli jużaw emails personali għal xogħol tal-Gvern, jekk lest jemendax il-Kostituzzjoni biex meta jkun xolt il-Parlament ma jsiru ebda transfer jew imjieg ta’ persuni jew iffirmar ta’ kuntratti.

Huwa staqsih ukoll jaċċettax li jemenda l-liġi biex il-ġurnalisti jkunu protetti minn kawżi ta’ libelli finanzjarji, biex ikun hawn maġistrat inkwerenti li jinvestiga każijiet ta’ korruzzjoni, jekk lest jagħmilx l-‘obstuction of justice’ illegali u jekk hux lest li l-Gvern jinżamm responsabbli bil-liġi rigward governanza tajba.

Ekonomija

Sport