Il-Parlament ivvota b’mod unanimu favur il-ħatra tal-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon bħala Ombudsman kif propost mill-Gvern. Fl-istess waqt, ittieħed ukoll it-tielet vot dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja li għadda b’41 favur u 33 kontra.
Il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza l-Parlament beda biex qal li jinsab konvint li l-karigi ta’ Ombudsman u ta’ Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika se jkunu qegħdin jimtlew minn persuni li jgawdu mill-kwalitajiet ta’ rettezza, serjetà, ħila, ta’ integrità u fuq kollox dak tal-imparzjalità.
Dr Abela li dawn kien żewġ mozzjonijiet li jirriflettu qbil espress li kellu mal-Kap tal-Oppożizzjoni sakemm xi ħadd ġibidlu l-ispag u kellu jirtira minn dak l-istess ftehim li kien maqbul. Filwaqt li nnota li diġà saru bosta diskussjonijiet dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Istandards, anke wara nuqqas ta’ qbil mill-Oppożizzjoni, mentri llum kienu qegħdin jiddiskutu l-ħatra tal-Ombudsman.
Il-Prim Ministru stqarr li “ninsab konvint li l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon għandu r-rekwiżiti li huma essenzjali għal min jokkupa kariga bħal din. Jaf iħaddem il-liġi u nemmen li għandu l-kredenzjali biex jagħmel dan b’mod meqjus u ġust.
“Huwa għandu l-fibra u l-ħila li d-deċiżjoni jeħodha biss fuq il-fatti li jkollu quddiemu. Iżda fuq kollox mhux biss kapaċi jwettaq ġustizzja imma jidher li qed iwettaq ġustizzja. Huwa persuna li jaf iċ-ċivil sew.”
Il-Prim Ministru sostna li għax dan hu Gvern li jaħdem ma’ kulħadd, irrispettivament minn x’inhu t-twemmin tiegħu, l-Imħallef Emeritu Zammit McKeon se jiġi fdat mill-Kamra tar-Rappreżentanti biex iwettaq il-funzjonjiet tiegħu f’din il-kariga. L-għażla tiegħu f’dan l-uffiċċju hi mibnija fuq il-konvinzjoni.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-riformi li saru fl-uffiċċju tal-Ombudsman fosthom li ġie introdott r-rapport annwali li jara kemm kien hemm għeluq ta’ każijiet rapporttati u li l-Ombudsman ingħata d-dritt li jkun sedenti fuq il-Kumitat tal-Ħatriet tal-Ġudikatura.
Huwa temm jawgura lill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon u lill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi. “Se ssibu lil dan il-Gvern bħala sieħeb li jirrispetta lill-uffiċċju tagħkom u billi wkoll jagħtihom ir-riżorsi kolha meħtieġa u li jżomm djalogu miftuħ.”