Zayn Malik ippospona t-tour li kellu fl-Istati Uniti wara l-mewt tal-ħabib tiegħu Liam Payne, li flimkien kienu wkoll jagħmlu parti mill-grupp One Direction.
Payne, li kellu 31 sena, tilef ħajtu l-Erbgħa li għadda wara li waqa’ għoli ta’ tliet sulari mill-gallarija tal-kamra tiegħu f’lukanda fl-Arġentina.
Malik kellu jibda t-tour tiegħu fl-Istati Uniti din il-ġimgħa, bl-ewwel wirja kellha ssir f’San Francisco l-Erbgħa. Madankollu, fis-sigħat li għaddew huwa informa lis-segwaċi li kien ser jipposponi l-kunċerti tiegħu.
“Minħabba t-telfa ta’ qsim il-qalb li esperjenzajna f’dawn l-aħħar jiem, iddeċidejt li nipposponi l-iStairway to the Sky Tour,” kiteb Malik.
Minbarra f’San Francisco, huwa kellu jagħti kunċerti oħra f’Las Vegas, Los Angeles, Washington DC u New York. Dawn il-kunċerti issa ġew posposti għal Jannar li ġej u l-biljetti se jibqgħu validi għad-dati l-ġodda li se jitħabbru fil-jiem li ġejjin.
Sadanittant, Malik filwaqt li sellem il-memorja ta’ Payne, qal li se jibqa’ jgħożż il-memorji sbieħ li kellhom flimkien u li “se jibqa’ dejjem f’qalbu.”