Thursday, June 5, 2025

Żbalji b’konsegwenzi koroh

Aqra wkoll

Riċentement qrajt kif fil-Qorti kien hemm każ li spiċċa twaddab ‘il barra mit-tieqa għax kien hemm żball li b’riżultat tiegħu mar tajjeb l-akkużat. Mhux se nidħol fil-każ speċifiku għax tul is-snin li għamilt nirrapporta mill-Qorti kien hemm mhux każ wieħed, tnejn jew tlieta tax-xorta tiegħu. Imma donnu li ma ttieħdet ebda lezzjoni minn każijiet bħal dawn. Ovvjament żbalji bħal dawn, l-aktar fejn il-każ ikun wieħed ta’ natura kriminali, isiru jew mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jew min-naħa tal-Pulizija.

Niftakar diversi każi fejn ġeneralment l-iżball ikun wieħed komuni. Żball fid-data jew fil-ħin ta’ meta jkun twettaq ir-reat konċernat. Niftakar ukoll Maġistrati jiftħu par għajnejn daqshiex x’ħin id-Difiża l-ewwel punt li tagħmel ikun preċiżament dan: li fit-tali data u ħin l-akkużat kien x’imkien ieħor. Issaħħaħ l-argument tagħha billi ttella’ jixhdu persuni li taħt ġurament jgħidu li fid-data u l-ħin li tkun qed issemmi l-Prosekuzzjoni l-akkużat kien fil-kumpanija tagħhom u kienu fit-tali post. Din tkun verità sagrosanta. Verità sagrosanta li lill-ġudikant torbotlu jdejh, tpoġġih dahru mal-ħajt u jrid jew ma jridx ikollu jillibera minn kull akkuża lill-persuna li jkollu quddiemu.

F’sitwazzjoni bħal din rajt kemm-il persuna titbissem fl-awla tal-Qorti. Ferħana għax ġiet liberata imma konvint li fil-kuxjenza tagħha KIENET TAF li dan mhux il-każ. KIENET TAF li kienet ħatja. Imma mhux hekk biss ġieli nnotajt fl-awli tal-Qorti. Ġieli smajt il-mistoqsija: Veru li kien ŻBALL? Għax kif taf int, u kif jaf kulħadd, hemm żball ġenwin u hemm żball b’intenzjoni.

Il-konsegwenzi għal żbalji fiż-żewġ forom tagħhom huma komuni. L-akbar konsegwenza hija li tkun saret INĠUSTIZZJA. Inġustizzja fil-konfront ta’ diversi. Inġustizzja ma’ min ikun ħadem fuq il-każ. Inġustizzja mal-ħin, xhur/snin, li jkun ħa l-każ fil-proċess ġudizzjarju. Inġustizzja mal-parti li tkun sofriet fir-reat imwettaq. Inġustizzja perpetwa għax ma jidhirlix li l-każ ikun jista’ jerġa’ jinfetaħ.

Li qatt ma stajt nifhem, u għadni sal-lum ma nistax nifhem, huwa x’isir wara li fil-Qorti ikun irriżulta żball determinati bħal dan. Smajt lil kemm-il ġudikant jordna li jkun infurmat l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Ma nkunx qed nesaġera jekk ngħid li tista’ tgħid li f’kull każ tali ordni mill-ġudikant tingħata b’sens ta’ rabja. Rabja għax  bħal donnu kien hemm min ried jgħaddih minn għajn il-labbra u jgħid x’jgħid il-ġudikant fid-deċiżjoni finali tiegħu xorta jkollu jtemmha billi jillibera lill-akkużat.

Ma nafx, m’inix bniedem legali, imma jekk mhux darba, tnejn, tlieta kellna sitwazzjoni bħal din possibbli ma jista’ jsir xejn biex toqba daqs dinja bħal din fil-liġi tingħalaq? Biex kull lok ta’ abbuż ikun imblukkat.

L-iżball determinanti ma jkunx ġie mis-sema. Xi ħadd, x’imkien, ikun għamlu. Id-dokument kruċjali ma jkunx inqara aktar minn darba qabel jinbeda l-proċess ġudizzjarju? Id-dati u l-ħinijiet li jissemmew fid-dokument ma jkunux ġew verifikati aktar minn darba u minn aktar minn persuna waħda?

Fl-ebda ħin ma nixtieq li niġi interpretat li qed inwaddab dell ikrah fuq il-ġenwinità tal-iżball li jkun sar. Imma lanqas irridek taħseb li ma kienx hemm okkażjonijiet fejn iddubitajt bil-kbir fuq il-ġenwinità jew le tal-iżball li wara kollox ikun wassal biex saret INĠUSTIZZJA fid-dawl tax-xemx.

Ma taħsibx li f’każijiet bħal dawn il-pubbliku għandu jkun jaf x’sar min-naħa tal-awtoritajiet konċernati biex ikun magħruf x’wassal biex twettaq l-iżball kruċjali?

Ma taħsibx li wasal iż-żmien biex il-leġiżlatur jara li ħadd u xejn ma jkun jista’ jiżgiċċa mis-sunnara? 

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport