Il-viċi-president tal-UEFA, Zbigniew Boniek, ma qatax kliemu meta rrifletta fuq il-proġett tas-Super League Ewropew, u ssuġġerixxa li t-tliet clubs li għadhom involuti ‘dehru qishom dilettanti.’
Il-Bianconeri kienu wieħed mit-tliet clubs li komplew jimbuttaw għall-proġett tas-Super League minkejja li d-disa’ clubs l-oħra rtiraw, iżda huma rrifjutaw li jieqfu mill-idea. Il-partitarji madwar l-Ewropa esprimew id-dispjaċir tagħhom għall-idea iżda tista’ terġa’ titnieda fil-futur qrib.
Waqt li tkellem ma’ ġurnal Taljan, Boniek ikkritika lil Juventus, Barcelona u Real Madrid għall-involviment tagħhom fil-proġett tas-Super League.
“Is-Super League diġá jeżisti u huwa ċ-Champions League, rivedut aktar. Dak li riedu jimponu mil-lum għall-għada, b’telegramma, minflok operazzjoni li saret biss biex tiġi salvata ġestjoni ħażina ta’ fondi minn ftit clubs kbar.
“Super League magħmul biex jaqsam il-flus fost ftit magħżula, mingħajr ma jiġi valutat il-mertu sportiv. Iżda x’jiġri kieku għamlu dan 40 sena ilu? Kien ikun hemm Eintracht jew Red Star?
“Ħsibt li t-timijiet li riedu s-Super League kienu mmexxija minn super-diretturi u minflok dehru qishom dilettanti.”
Il-ġlieda bejn il-UEFA, il-FIFA u l-proġett tas-Super League se tmur fl-ogħla qorti tal-Unjoni Ewropea hekk kif tkompli l-battalja qarsa, bl-ebda naħa ma tkun lesta tirrinunzja f’dan l-istadju.
X’aktarx li l-ġlieda se tkompli għaddejja sakemm tittieħed id-deċiżjoni finali tal-qorti tal-UE, u x’aktarx li l-proġett jerġa’ jitnieda jekk it-trio tas-Super League jirbaħ il-każ.