Friday, November 28, 2025

ŻBILANĊ 

Aqra wkoll

Matul is-snin, fil-politika Maltija, ix-xellug – il-Partit Laburista effettivament – kien jiġi akkużat (u għadu) li ma jurix biżżejjed rispett lejn l-istituzzjonijiet, fuq quddiem nett il-qrati u l-istabbiliment Kattoliku reliġjuż. 

Matul is-snin ukoll, saru diversi sforzi minn naħa u minn oħra, biex in-nuqqas ta’ fiduċja bejn in-naħat differenti jiġi ċċarat u mwitti. F’uħud minnhom, b’mod jew ieħor, ħadt sehem fihom jien ukoll. Illum l-affarijiet inħallu u battew ħafna għalkemm min jemmen li sparixxew x’aktarx li jiżbalja.

Storikament jibqa’ l-fatt li kemm fil-“fillieri” tal-Knisja Kattolika, kemm f’tal-professjonijiet legali jeżisti żbilanċ soċjali sistemiku kontra l-Laburiżmu. Jista’ jintqal li l-PN kellu jaffaċċja żbilanċ simili fost l-għaqdiet tal-ħaddiema. Biss dan batta ħafna aktar malajr milli ġara fl-oqsma klerikali u legali. Fil-fehma tiegħi, jekk tiċħad li jeżisti dan l-aspett fil-profil soċjali f’pajjiżna tkun qed tinjora parti importanti mir-realtà.

IL-KLIEM ĦAŻIN  

Meta kont żgħir, għaqda reliġjuża attiva ħafna kienet tagħmel propaganda qawwija kontra l-mod kif il-Maltin jitkellmu – b’dagħa u kliem baxx ta’ kull kulur u saħħa li jitberfel ma’ kull dawra tad-diskors. Wieħed jinnota b’dispjaċir li l-isforzi ta’ din l-għaqda ftit irnexxew. Anzi t-tentazzjoni hi li tgħid kif l-affarijiet marru għall-agħar b’espressjonijiet u esklamazzjonijiet xejn xierqa li nfirxu fost nisa u irġiel, jekk mhux ukoll tfal. Fil-ħajja ta’ kuljum jittieħdu bħala mod normali kif titkellem. 

Nammetti li dil-ħaġa ddejjaqni bil-kbir anke jekk b’hekk se nitqies bħala ta’ mentalità konservattiva u tradizzjonali. Lanqas jikkonvinċini l-argument li “barra”, l-aċċettazzjoni tal-kliem baxx qed tiġri wkoll, ġieli b’rata aqwa minn fostna – punt dubbjuż. Issa mbilli l-Istati Uniti bħas-soltu urew it-triq, bil-volgarizzazzjoni li daħlet hemm fid-djalogar għaċ-ċinema? X’faraġ insibu f’hekk?

IL-MEDITERRAN U L-EWROPEJ

Mela, l-“Ewropa” għandha strateġija ġdida għall-Mediterran. Ma bqajtx inżomm kont ta’ liema waħda din tiġi fin-numru minn meta bdejt insegwi l-biċċa fis-snin 70 tas-seklu l-ieħor. Għax kull deċennju jew anqas, l-Unjoni Ewropea kellha strateġija għall-Mediterran li tiġi proklamata bħala xempju ta’ koperazzjoni mill-aqwa bejn in-nord u s-sud tal-Baħar. Imma filfatt matul is-snin, ftit ikun seħħ ċaqliq pożittiv li tassew itejjeb il-qagħda.

Illum il-Kummissjoni Ewropea għandha post ta’ Kummissarju mmarkat għar-relazzjonijiet mal-Mediterran. Fis-16 ta’ Ottubru ppublikat Patt għall-Mediterran bit-titlu grandjuż “Baħar Wieħed, Patt Wieħed, Futur Wieħed” li – intqal – se jibni fuq il-proċess ta’ Barcellona u fuq il-pjan għall-investiment fil-Mediterran li tfassal fis-sena 2021. Ftit għandi fiduċja li se sseħħ xi bidla radikali fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-bqija tal-Mediterran. L-Ewropej m’għandhomx impenn effettiv bħala Ewropa biex tassew jitwettaq progress fondamentali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport