Saturday, December 21, 2024

Żdiedu b’32.6% dawk li għażlu li jagħmlu r-risk assessment

Fl-ewwel sitt xhur tas-sena…

Aqra wkoll

Bejn Jannar u Ġunju 2024, kien hemm żieda ta’ 32.6% fin-nies li għamlu risk assessment f’wieħed mill-hubs għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika.

Statistika uffiċjali tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) turi li fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet, l-Aġenzija Appoġġ kellha 1,317-il każ ta’ assessjar ta’ riskju li involvew 1,104 persuni. Dan ammonta għal 1,592.39 siegħa ta’ interventi.

Sa nofs dik is-sena, jiġifieri sa Ġunju 2023, il-każijiet kienu 562 u involvew 506 persuni. Dan ammonta għal kważi 664 siegħa ta’ interventi.

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-Appoġġ kellha 770 każ ta’ assessjar ta’ riskju li involvew 671 persuna. Dan ammonta għal 1,004.51 sigħat ta’ interventi.

Dawn id-dettalji ngħataw fi stqarrija maħruġa mill-FSWS b’rabta mal-assessjar tar-riskju tal-vjolenza domestika, fejn intqal li huwa dritt tal-persuna li tiddeċiedi tiħux servizz jew le, inkluż ir-risk assessment.

L-għajnuna u l-proċedura li jintużaw meta jsir ir-risk assessment jinsab deskritt f’Artiklu 540A tal-Kodiċi Kriminali tal-Liġijiet ta’ Malta dwar l-għajnuna offruta lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.

Il-vittmi ta’ vjolenza domestika f’Malta jirrikorru fil-Kwartieri tal-Pulizija, fil-parti tal-“Gender-Based and Domestic Violence” (GBDV) fil-Furjana jew fil-GBDV Hub f’Santa Luċija. Dan isir wara li l-Pulizija jispjegaw x’jiġri mir-rapporti fil-preżenza tar-‘risk assessors’, u flimkien jaħdmu biex il-vittma ma terġax tesperjenza xi trawma oħra.

Wara r-‘risk assessment’, il-vittma tiġi offruta appoġġ emozzjonali, psikoloġiku u ta’ prattika. Il-vittma tkun tista’ taċċetta wkoll l-għajnuna tas-‘social workers’ tad-Domestic Violence Unit tal-Aġenzija Appoġġ. Il-vittma tiġi offruta wkoll li tiddaħħal f’xelter ta’ emerġenza jew tirritorna lejn darha b’għażla li tgħix ma’ qraba tagħha fl-istess ħin li jsir safety panning mal-vittma u l-qraba tagħha.

Il-vittma tingħata wkoll ‘business card’ tal-GBDV b’kontenut ta’ helplines u organizzazzjonijiet oħrajn li joffru l-għajnuna.

Fl-istqarrija żied jingħad li filwaqt li l-maġġoranza tal-vittmi li jirrappurtaw għand il-pulizija jagħżlu li jsirilhom risk-assessment, ikun hemm vittmi li jirrifjutaw dan. U dan għax jaħsbu li l-każ tagħhom ma jkunx ta’ riskju fuq ħajjithom. Iżda jkun hemm każi fejn il-vittmi jikkonvinċu ruħhom minn dan u oħrajn li jibqgħu jirrifjutaw bir-raġuni tkun li diġà għamluh fil-ġranet ta’ qabel u allura jaħsbu li se jibqgħu fl-istess livell ta’ riskju.

Il-vittmi li wara rapport mal-Pulizija jagħżlu li jagħmlu r-‘risk assessment’, jiffirmaw karta ta’ kunsens li tinfurmahom li f’każ ta’ riskju għoli, il-każ imur quddiem il-MARAM (Multi-Angency Risk Assessment Meeting). Hawnhekk jiġu diskussi l-każijiet kollha ta’ vjolenza domestika ta’ riskju għoli.

Is-Servizz tal-Assessjar tar-Riskju tal-Vjolenza Domestika, (Risk Assessment Service), hu servizz soċjali li jħaddan valuri u prinċipji ta’ ‘social work’. Wieħed minn dawn il-valuri hu ‘ta’ “client self-determination’. Dan ifisser li dejjem jiġu rispettati x-xewqat u d-deċiżjonijiet tal-persuna li tiddeċiedi hi dak li jsir f’ħajjitha.

Ekonomija

Sport