Ir-rapport ta’ kull tliet xhur maħruġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta għax-xhur ta’ Lulju – Settembru 2021 jafferma li t-tkabbir ekonomiku baqa’ b’saħħtu tant li l-Prodott Domestiku Gross (PDG) f’termini reali żdied b’9.7% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Ma’ dan irid jingħad ukoll li l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi u l-qagħad kompla jonqos filwaqt li l-impjiegi kienu f’livell ogħla minn dak ta’ qabel il-pandemija.
Minkejja dan kollu, fit-tielet kwart tal-2021, l-attività ekonomika baqgħet affettwata mill-pandemija tal-Covid-19 u mill-miżuri ta’ trażżin assoċjati magħha, għalkemm dawn kienu inqas stretti minn sena qabel.
Il-Bank Ċentrali rrapporta wkoll li l-istima tiegħu tad-differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali baqgħet f’livell negattiv. Dan ifisser li minkejja r-ritorn gradwali tal-ekonomija għal livelli iktar normali, il-kapaċità produttiva tal-ekonomija għadha kemmxejn mhux utilizzata biżżejjed.
L-istħarriġ dwar il-forza tax-xogħol li fuqu huwa bbażat parti mir-rapport tal-Bank jindika li bejn Lulju u Settembu 2021 ir-rati tal-impjiegi u l-attivita rregistraw żieda tant li r-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta’ 3.6% li tfisser 1.3% inqas mir-rata reġistrata sena qabel. Ir-rata tal-qgħad f’Malta kienet sew taħt ir-rata medja ta’ 7.4% fiż-żona ewro.
F’dan il-perjodu ir-rata ta’ inflazzjoni annwali mkejla mill-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li tqis biss l-infieq minn residenti f’Malta, telgħet minn 1.5% f’Ġunju għal 2.2% f’Settembru 20221.
Skont l-istħarriġ tal-Bank Ċentrali, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-Prodott Dross Gomestiku għalaq it-tielet kwart tal-2021 b’57.2%, minn 59.1% fi tmiem it-trimestru ta’ qabel. Is-sehem nett tal-valur finanzjarju tal-gvern fil-PDG tjieb fil-perjodu kopert.