Saturday, December 28, 2024

Zelensky iwissi lis-suldati Russi li jinsabu fl-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia

Aqra wkoll

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky akkuża lir-Russja li qiegħda tuża “rikatt nukleari” fl-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia – li huwa l-ikbar wieħed fl-Ewropa.

Ir-Russja kienet ħadet il-kontroll ta’ dan l-impjant f’Marzu li għadda u allegatament bdiet tużah bħala bażi militari minn fejn jiġu sparati rokits lejn żoni fil-madwar. F’dawn l-aħħar jiem, iż-żewġ pajjiżi bdew iwaħħlu f’xul­xin għall-instabbiltà li qiegħda tiżviluppa madwar dan l-impjant, u min-naħa tagħha n-Nazzjonijiet Uniti ħarġet twissija dwar periklu ta’ diżas­tru nukleari. 

Fid-dawl ta’ dan, il-President Ukren wissa li kull suldat Russu li jispara minn jew jistkenn f’dan l-impjant se jkun taħt “mira speċjali”. Dan l-impjant kien spiċċa f’idejn ir-Russja fl-ewwel jiem tal-invażjoni, iżda xorta waħda baqa’ jiġi operat minn ħaddiema Ukreni. Is-sitt reatturi ta’ Zaporizhzhia jinsabu fil-belt ta’ Enerhodar li tinsab fin-Nofsinhar tal-Ukrajna. 

Iktar kmieni din il-ġimgħa n-Nazzjonijiet Uniti wissiet li l-attività ostili li għaddejja madwar dan l-impjant tista’ twassal għal diżastru nukleari li jista’ jaffettwa ħafna mill-Ewropa. Min-naħa tagħha r-Russja ċaħdet l-akkużi li qegħdin isiru fil-konfront tagħha rigward dan l-impjant.

Ekonomija

Sport