Monday, December 30, 2024

Zelensky jallega li r-Russi se jipprovaw jisplodu d-diga u jikkawżaw diżastru kbir

Aqra wkoll

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qiegħed jakkuża lir-Russja li din qiegħda tipprepara biex tisplodi diga idroelettrika li tinstab fin-Nofsinhar tal-Ukrajna. Zelensky qal li dan jista’ jwassal għal “diżastru fuq skala kbira”.

Meta kien qiegħed jin­dirizza lill-poplu fil-messaġġ li jagħmel ta’ kull filgħaxija, Zelensky qal li hu għandu informazzjoni li r-Russi qed ipoġġu splussiv fid-diga ta’ Kakhovka  fix-xmara Dnieper. Fil-preżent din id-diga tinsab taħt idejn l-okkupanti Russi, iżda l-forzi Ukreni qegħdin jersqu dejjem iktar qrib. 

Min-naħa tagħhom fil-pas­sat ir-Russi kemm-il darba akkużaw lill-Ukreni li qegħdin jisparaw missili lejn din id-diga. Din id-diga hija importanti wkoll għar-Russi hekk kif din hija waħda mill-ftit rotot li baqa’ li minn­ha t-truppi Russi jkunu jistgħu jaqsmu x-xamra Dnieper. Min-naħa tagħhom l-uffiċjali li r-Russja poġġiet f’din iż-żona qed jiċħdu l-allegazzjonijiet ta’ Zelensky. Fid-diskors tiegħu Zelensky qal li jekk id-diga tkun imkissra din twassal għal problemi kbar fil-provvista tal-ilma fin-Nofsinhar kif ukoll tħalli lill-ikbar impjant nukleari – dak ta’ Zaporizhzhia – mingħajr ilma biex jitkessaħ. Zelensky qal, “id-diga tilqa’ fiha volum ta’ 18-il miljun metru kubu ta’ ilma. Jekk it-terroristi Russi jispludha iktar minn 80 villaġġ – fosthom Kherson – jispiċċaw f’għargħar kbir. Mijiet ta’ eluf jistgħu jiġu affettwati.” Il-President Ukren żied jgħid ukoll li jekk verament ir-Russi jagħżlu li jisplodu d-diga dan juri biċ-ċar li huma mhux biss tilfu l-kontroll ta’ Kherson iżda tar-reġjun kollu tan-Nofsinhar, inkluż il-Krimea. 

Ekonomija

Sport