Sunday, December 22, 2024

Zelensky japplika biex l-Ukrajna tissieħeb fl-Unjoni Ewropea

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky applika biex pajjiżu jissieħeb fl-Unjoni Ewropea f’dak li hu qiegħed iqis bħala “mument storiku”.

Zelensky qiegħed isejjaħ għal approvazzjoni kemm jista’ jkun mgħaġġla biex jingħaqad mal-istati membri biex jgħin lin-nazzjon jiġġieled l-forzi Russi wara l-invażjoni tal-ġimgħa li għaddiet.

F’ritratt imxerred fuq il-midja soċjali, Zelensky jidher qiegħed jiffirma t-trattat b’barrikati ta’ ilqugħ fl-isfond.

Hekk kif il-ġlied fil-pajjiż kompla jiżdied u kompliet teskala t-tensjoni, Zelensky qiegħed jitlob proċedura speċjali minn naħa tal-Unjoni Ewropea sabiex jitħaffef il-proċess ta’ sħubija. Huwa qal li l-ħsieb wara dan it-trattat huwa li l-Ukreni jkunu flimkien mal-Ewropej fejn kulħadd ikollu opportunitajiet ugwali.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen il-ġimgħa li għaddiet tat ħjiel li jixtiequ li l-Ukrajna tissieħeb, iżda ma indikatx jekk il-proċess ta’ sħubija huwiex se jkun wieħed mgħaġġel.

Lil hinn minn dan kollu, il-ballun se jkun qiegħed jitpoġġa f’saqajn l-istati membri hekk kif id-deċiżjoni ta’ sħubija tinsab f’idejhom u s’issa mhux magħruf jekk hemmx qbil dwar is-sħubija tal-Ukrajna.

Ekonomija

Sport