Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-Istati Uniti trid li l-gwerra mar-Russja tintemm sal-aħħar ta’ Ġunju, u żied jgħid li ż-żewġ naħat kienu ġew mistiedna fl-Istati Uniti għal taħditiet il-ġimgħa d-dieħla.
“L-Amerika pproponiet għall-ewwel darba li ż-żewġ timijiet ta’ negozjati – l-Ukrajna u r-Russja – jiltaqgħu fl-Istati Uniti, probabbilment f’Miami, fi żmien ġimgħa. Aħna kkonfermajna l-parteċipazzjoni tagħna,” qal Zelensky.
Wara l-kummenti tal-President Ukren, il-White House ma tat l-ebda kumment, iżda l-President tal-Istati Uniti Donald Trump ilu żmine jgħid li dan il-kunflitt irid jintemm.
Sadanittant, ir-Russja kompliet l-attakki tagħha fuq l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ukrajna – u kkawżat aktar qtugħ tad-dawl mifrux waqt kundizzjonijiet ta’ ffriżar.
F’kummenti lill-midja nhar is-Sibt li għadda Zelensky qal dwar x’kien ġara matul it-tieni rawnd ta’ taħditiet ta’ paċi f’Abu Dhabi, immexxija mill-Istati Uniti, li ntemmu nhar il-Ġimgħa mingħajr rapporti ta’ avvanz pożittivi.
Zelensky qal li “kwistjonijiet diffiċli baqgħu diffiċli”, inklużi konċessjonijiet territorjali li l-Ukrajna tinsab taħt pressjoni biex tagħmel.
Huwa qal li l-partijiet iddiskutew, għall-ewwel darba, il-possibbiltà ta’ laqgħa trilaterali bejn il-mexxejja, mhux sempliċement rappreżentanti, iżda wissa li “hemm bżonn ta’ elementi preparatorji għal dan”.
Meta mistoqsi jekk ingħatax perjodu ta’ żmien għal ftehim, il-mexxej Ukren qal li “l-Istati Uniti qalu li jridu jagħmlu ftehim sal-aħħar ta’ Ġunju.

