Il-President Ukren Volodymyr Zelensky jidher li kkonferma li bdiet il-kontro-offensiva tant mistennija ta’ pajjiżu. Huwa stqarr li “qed iseħħu azzjonijiet azzjonijiet ta’ difiża u kontro-offensiva” għalkemm ma speċifikax f’liema stadju kienet tinsab din il-kontro-offensiva.
Dawn il-kummenti saru anke fl-isfond ta’ żieda fil-ġlied fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ukrajna. It-truppi Ukreni huma rrapportati li avvanzaw qrib Bakhmut u Zaporizhzhia, u wettqu attakki fuq miri Russi.
Iż-żewġ naħat però qegħdin jippreżentaw narrattivi kontrastanti ta’ kif inhuma l-affarijiet, bl-Ukrajna tgħid li qiegħda tagħmel progress filwaqt li r-Russja saħqet li qed tiġġieled l-attakki.
Intant, fir-reġjun ta’ Kaluga fir-Russja, li jmiss mad-distretti tan-nofsinhar madwar Moska, il-gvernatur Vladislav Shapsha qal li ġġarraf drone qrib ir-raħal ta’ Strelkovk kmieni l-Ħadd filgħodu. Din l-informazzjoni iżda ma kinitx ivverifikata b’mod indipendenti mill-midja internazzjonali.
F’intervista li xxandret il-Ġimgħa li għadda, il-President Russu Vladimir Putin qal li l-forzi Ukreni bdew l-offensiva tagħhom iżda li l-attentat ta’ avvanzi fallew u ħallew warajhom għadd ta’ vittmi.