Sunday, November 24, 2024

Zelenskyy jitlob biex ir-Russja titneħħa mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU

Aqra wkoll

Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy akkuża lill-militar Russu li wettaq l-agħar delitti  tal-gwerrra mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn. Meta kien qiegħed jindirizza lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti huwa qal li nies ċivili ġew mgħaffġa minn tankijiet Russi “għall-gost”. Zelenskyy saħaq li dawk responsabbli minn dawn l-attroċitajiet għandhom jidhru quddiem il-ġustizza l-istess bħal meta n-Nażisti tressqu fi Nuremberg. 

Ir-ritratti xokkanti u makabri ta’ katavri mxerrdin fit-toroq ta’ bliet bħal Bucha ġabu l-kundunna tista’ tgħid tad-dinja kollha. Wara d-diskors tiegħu permezz ta’ video link, Zelenskyy wera numru ta’ ritratti grafiċi ta’ persuni Ukreni maqtula. Hawnhekk hu qal li, “il-militar Russu fittex u qatel lil kull min kien qiegħed iservi lill-pajjiż tagħna.” Huwa tenna li, “huma [ir-Russi] qatlu familji sħaħ, adulti u tfal, u pprovaw jaħarqu l-katavri.”

Min-naħa tiegħu l-Ambaxxatur Russu għan-Nazzjonijiet Uniti Vasily Nebenzia qal li ma hemm l-ebda evidenza li turi li t-truppi Russi wettqu dawn l-attroċitajiet. Huwa tenna li, “smajna għal darb’oħra ammont kbir ta’ gideb dwar is-suldati Russi u l-militar.”

Fid-diskors tiegħu Zelenskyy qal li n-Nazzjonijiet Uniti għandha taġixxi immedjatament, għax jekk le l-Kunsill tas-Sigurtà ma jkun għadu jfisser xejn. Apparti hekk, huwa sejjaħ għall-ħolqien ta’ tribunal speċjali internazzjonali li jaħdem fuq l-allegat delitti tal-gwerra li qed iseħħu, u li r-Russja titneħħa mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. 

Sport