Saturday, December 21, 2024

Żewġ aġenziji ta’ kreditu jgħidu li, minkejja l-Covid-19, il-prospetti ta’ Malta huma stabbli

Aqra wkoll

Moody’s kif ukoll Fitch Ratings qed ibassru li fl-2021 l-ekonomija Maltija ser terġa’ tibda tikber bil-kbir. 

Minkejja l-impatt ekonomiku negattiv tal-pandemija tal-Covid-19, żewġ aġenziji ta’ kreditu internazzjonali, Fitch Ratings u Moody’s, ħarġu rapporti separati li fihom ikkonfermaw li l-prospetti għal rating ta’ pajjiżna huma stabbli. Dan b’kuntrast għal mod kif fl-aħħar ġimgħat dawn l-aġenziji naqsu l-prospetti tal-Belġju, il-Latvja u r-Rumanija minn stabbli għal negattiv, filwaqt li l-Fitch Ratings saħansitra tat downgrade fir-rating tar-Renju Unit minn AA għal AA- bi prospett negattiv. 

Fl-analiżi tagħhom, l-esperti tal-Moody’s jiġġustifikaw ir-rating stabbli għal pajjiżna fuq il-konklużjoni li, “although the outbreak of the coronavirus will cause a significant economic and fiscal shock in 2020, we currently expect the outbreak to have limited lasting, negative impact on Malta’s economy or public finances”. Fil-fatt, kemm Moody’s kif ukoll Fitch Ratings qed ibassru li fl-2021 l-ekonomija Maltija ser terġa’ tibda tikber bil-kbir. 

L-esperti tal-Fitch Ratings sostnew li, “we believe hotel occupancy in 2020 to be close to 50% 2019 levels”. Jekk iseħħ dan it-tbassir, it-turiżmu f’pajjiżna fl-2020 xorta se jkun 95% ta’ dak li pajjiżna kellu fl-2012. 

Filwaqt li jinnota li t-turiżmu huwa settur importanti għal pajjiżna, ir-rapport tal-Moody’s jgħid li, “the Maltese economy is relatively well diversified in terms of trade partners and sectors”. Setturi oħrajn, bħal servizzi professjonali u igaming, mistennija jkollhom impatt ferm aktar moderat mill- Covid-19, skont l-esperti tal-Moody’s. 

L-esperti internazzjonali taż-żewġ aġenziji kellhom kliem ta’ tifħir għall-mod kif il-gvern irrisponda għall-pandemija, kemm mill-lat mediku, kif ukoll dak ekonomiku. Fil-fatt, il-Fitch Ratings isostnu li, “the impact of the shock on the domestic economy will be partially softened by proposed government relief measures”. L-esperti kkonkludew li, “a recent track record of sound fiscal performance, including consecutive fiscal surpluses between 2016 and 2019, means it is better prepared than some of its peers”. 

Skont il-Moody’s, l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi mistenni jkun temporanju, tant li jgħidu li, “we expect all key fiscal metrics to improve already in 2021 with debt reaching 49.8% of GDP”. Dan meta, għal pajjiżi oħrajn, l-istess aġenzija qed tbassar impatt qawwi u fit-tul fil-piż tad-dejn nazzjonali. Fil-kaz ta’ pajjiżna, qed jistennew li l-piż tad-dejn jibqa’ ferm taħt is-70% li kellna fl- 2013. 

Ir-rapport ta’ Fitch Ratings jgħid li r-rata tal-qgħad se tibqa’ fil-medja mill-2013 ’l hawn, u li din ir- rata, “would come short of the maximum registered during the global financial crisis in 2009”. L- esperti bassru li pajjiżna ser jibqa’ jkollu esportazzjoni akbar minn importazzjoni, minkejja l-qagħda ħażina internazzjonali. 

Wara li Standard & Poor’s aktar kmieni kienu wkoll ikkonfermaw prospett stabbli għal pajjiżna, u l- IMF bassret li Malta se jkollha l-inqas impatt ekonomiku negattiv fiż-żona ewro, l-analiżi indipendenti ta’ Fitch Ratings u l-Moody’s hija konferma oħra tal-fiduċja kbira li jgawdi minnu pajjiża. Din il-fiduċja ser tkun il-bażi li fuqha l-gvern se jmexxi lil pajjiżna lejn ritmu qawwi ta’ riġenerazzjoni ekonomika u soċjali wara li tingħeleb il-pandemija.

Ekonomija

Sport