Żewġ aħwa weħlu multa ta’ €1,600 bejnithom wara li nstabu ħatja li f’Ottubru li għadda kellhom imġieba ħażina waqt li kienu ħerġin mill-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.
L-Ispettur Andrew Agius li qed imexxi l-Prosekuzzjoni spjega li l-każ seħħ fi tmiem ta’ partit bejn Ħamrun Spartans u Mosta fit-22 ta’ Ottubru li għadda.
L-aħwa kienu akkużati fil-Qorti li kienu xurbana f’post pubbliku, m’obdux l-ordnijiet tal-uffiċjali pubbliċi, wettqu atti oxxeni fil-pubbliku, użaw kliem offensiv, kisru l-paċi u l-ordni pubbliku b’għajjat, storbju u ġlied, u kkawżaw ġrieħi ħfief lil raġel.
Wieħed mill-aħwa kien akkużat waħdu wkoll li fl-istess każ, xewwex ġemgħa ta’ nies.
Wara li l-Qorti semgħet il-provi kollha mressqin l-aħwa ġew ikkundannati għal sena ħabs sospiża għal tliet snin.