Wednesday, May 14, 2025

Żewġ Albaniżi mixlija li darbu tnejn f’argument fis-Sannat, Għawdex

Aqra wkoll

Emiliano Qosja ta’ 29 sena u Aidi Qosja ta’ 23, it-tnejn mill-Albanija iżda residenti Għawdex tressqu l-Qorti fejn kienu mixlija li nhar il-Ħadd li għadda weġġgħu żewġ persuni b’mod gravi waqt party li kien qiegħed isir fil-Kantra f’Ta’ Ċenċ fis-Sannat Għawdex.

Fil-Qorti, Emiliano Qosja sostna li jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni u ilu jgħix f’Għawdex għal dawn l-aħħar sitt snin filwaqt li Aidi Qosja qal li jaħdem ma’ kumpanija li tagħmel l-għamara u ilu jgħix Għawdex għal dawn l-aħħar tliet snin.

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif nhar il-11 ta’ Mejju li għadda, għall-ħabta tat-7.45 p.m., kienet daħlet telefonata fl-Għassa tar-Rabat fejn intqal li kien għadu kemm seħħ argument fil-Kantra.

Il-pulizija marru minnufih fuq il-post kienu sabu lil raġel min-Nadur li kien jidher ċar li kellu feriti fuq wiċċu. Il-Pulizija kienu informati wkoll li mara wkoll min-Nadur kienet diġà ddaħlet l-isptar minħabba xi ġrieħi li sofriet waqt l-istess argument.

L-allegat vittma kien ittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi, filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata wkoll bi ġrieħi gravi.

L-Ispettur Keith Xerri qal li l-allegat agressuri kienu laħqu ħarbu minn fuq il-post malli waslu l-pulizija. L-Ispettur żied li mbagħad bdiet investigazzjoni biex jiġi stabbilit min kien involut f’dan l-argument fejn fost l-oħrajn ittieħdu filmati mill-cameras tas-sigurtà tal-istabbiliment fejn kien qiegħed isir il-party.

Minn dawn il-filmati ġew identifikat l-allegati aggressuri u minnufih bdiet tfittxija għalihom. Ġie stabbilit li Emiliano kien qiegħed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni, bl-Ispettur Xerri jgħid li kien hu stess li arrestah. Wara kompliet it-tfittxija għall-imputat l-ieħor u wkoll ġie arrestat.

Mistoqsija x’se jwieġbu għall-akkużi miġjuba kontrihom, l-imputati permezz tal-interpretu minħabba li ma jafux jitkellmu bil-Malti jew bl-Ingliż wieġbu mhux ħatja.

Id-Difiża qalet li ma kinitx qiegħda tikkontesta l-validità tal-arrest, iżda kienet qiegħda titlob għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati. Id-difiża argumentat li l-imputati ilhom jgħixu f’pajjiżna numru ta’ snin u qatt ma kellhom problemi mal-ġustizzja. Sostniet li dan il-każ kien ‘one off’ u ma kien hemm l-ebda intenzjoni li jweġġgħu lil xi ħadd, iżda dan kien argument spontanju. 

Dwar din it-talba, l-Ispettur Xerri qal li kien qiegħed joġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba n-natura tal-każ. Qal li jekk wieħed jara l-filmati tas-CCTV jinduna l-vjolenza li ntużat fuq il-vittmi kienet waħda kbira. Qal li wieħed mill-vittmi ma kellu x’jaqsam xejn mal-argument tant li kien jidher ‘il bogħod minn fejn beda l-istess argument u l-istess ġara fil-każ tal-mara.

Aktar minn hekk, il-Prosekuzzjoni qalet li fil-proċeduri għad iridu jixhdu l-vittmi u anke hemm persuni oħrajn li għad iridu jagħtu x-xhieda tagħhom. Sostna li jekk jingħataw il-ħelsien mill-arrest hemm biża’ li jkun hemm intralċ ta’ provi.

Id-difiża ribattiet li dwar il-każ tal-mara hija spiċċat vittma minħabba li “kienet kurjuża” u marret tara x’inhu jiġri u spiċċat f’nofs l-argument. Qalet li ma kien hemm l-ebda intenzjoni li l-imputati jweġġgħu lill-allegati vittmi.

Min-naħa tal-parte civile li kienu qegħdin jiġi rrappreżentati mill-Avukat Frank Anthony Tabone, intqal li hemm biża’ ċar li l-imputati jaħarbu mill-pajjiż. 

Wara li semgħet il-partijiet, il-Maġistrat Simone Grech ċaħdet il-ħelsien mill-arrest u ordnat li jibqgħu jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Ordnat ukoll li fl-ewwel seduta li jmiss il-Prosekuzzjoni għandha tressaq ix-xhieda kollha tal-vittmi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport