Sunday, December 22, 2024

Żewġ bastimenti navali Amerikani jgħaddu mill-Istrett tat-Tajwan … iċ-Ċina tgħid li dan hu provokazzjoni

Aqra wkoll

Żewġ bastimenti tal-qaw­wa navali tal-Istati Uniti għaddew mill-Istrett tat-Tajwan, mossa li kompliet iżżid t-tensjoni fiż-żona wara ż-żjara tal-Ispeaker tal-Kamra Nancy Pelosi ġewwa t-Tajwan iktar kmieni dan ix-xahar.  Min-naħa tagħha l-Istati Uniti qalet li l-bastimenti USS Antietam u USS Chancelorsville għaddew minn ibħra internazzjonali li kulħadd għandu dritt jgħaddi minnhom hekk kif dawn huma ’l bogħod minn kull territorju kostali. 

Fid-dawl ta’ dan iċ-Ċina qalet li dawn l-azzjoni­jiet min-naħa tal-Istati Uniti huma provokattivi u komp­liet tisħaq li l-gżira tat-Tajwan hija parti integrali mit-territorju Ċiniż. Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali mili­tari taċ-Ċina qalu li huma osservaw bir-reqqa t-traġitt li ħadu dawn il-basitimenti u jinsabu fuq allert massimu u lesti li jegħlbu kull provokazzjoni. 

Wara li Nancy Pelosi kienet għamlet żjara fit-Tajwan, iċ-Ċina kienet wettqet taħriġ militari kbir f’din l-istess żona, liema taħriġ kien jinvolvi għadd ta’ bastimenti, ajruplani tal-gwerra kif ukoll sparar ta’ missili ta’ distanza twila. Iċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala parti minnha u għalhekk topponi kull żjara minn uffiċjali barranin hekk kif skonthom dan imur kontra s-sovranità taċ-Ċina. 

Din mhix l-ewwel darba li l-Istati Uniti bagħtet bastimenti navali fl-Istrett tat-Tajwan, liema żona hi wiesgħa 100 mil u tifred mit-Tajwan miċ-Ċina. Iċ-Ċina tgħid li dan hu “baħar territorjali intern” u għalhekk hija kontra li vapuri oħrajn jgħaddu liberament minnu, filwaqt li għadd ta’ pajjiżi oħrajn iqisuh bħala baħar internazzjonali ħieles.

Ekonomija

Sport