Thursday, April 18, 2024

Żewġ bastimenti tal-Gwardja tal-Kosta Amerikana jżuru Malta

Aqra wkoll

Żewġ bastimenti tal-għamla cutters tar-rispons veloċi tal-Klassi Sentinels tal-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti dalgħodu daħlu Malta u sorġew fil-Port il-Kbir. Il-wasla ta’ dawn iż-żewġ bastimenti seħħet permezz tar-relazzjonijiet tajbin li jeżistu bejn il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti.

Matul iż-żjara, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ tal-USCGC Glen Harrid u l-USCGC Emlen Tunnell se jkunu involuti f’eżerċizzji fuq il-baħar u skambji professjonali mal-Forzi Armati Maltin (AFM).  

Il-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti u l-AFM għandhom relazzjoni fit-tul li saħħet il-kapaċitajiet tal-AFM inklużi l-operazzjonijiet ta’ Infurzar tal-Liġi Marittima u tat-Tiftix u s-Salvataġġ.  

Il-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti tipprovdi taħriġ lil madwar għaxar suldati tal-AFM fis-sena f’korsijiet bħall-Formazzjoni tal-Uffiċjali, l-Ippjanar tat-Tiftix u s-Salvataġġ Marittimu, l-Għarfien tad-Dominju Marittimu u l-Uffiċjal Internazzjonali tal-Imbark.

Il-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti hija l-eqdem servizz marittimu kontinwu tal-Amerika ddedikat għas-salvataġġ ta’ persuni f’diffikultà u l-ġlieda kontra l-kriminalità fuq il-baħar.  

Dwar din iż-żjara, iċ-Charge d’Affaires tal-Istati Uniti għal Malta esprimiet is-sodisfazzjon tagħha b’mod speċjali għall-kollaborazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku bejn il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti biex il-Mediterran jinżamm sikur.  

Il-cutters tar-rispons rapidu huma komponent ewlieni tal-flotta tal-baħar tal-Gwardja tal-Kosta, li hija kapaċi tintuża b’mod indipendenti biex twettaq missjonijiet li jinkludu s-sigurtà tal-portijiet, tal-passaġġi fuq l-ilma u tal-kosta.  

Wara ż-żjara tagħhom f’Malta, dawn il-bastimenti se jmorru lejn il-port il-ġdid tagħhom ta’ Manama, fil-Baħrejn fejn se jwettqu s-sigurtà marittima, il-protezzjoni tal-infrastruttura marittima, u l-kooperazzjoni tas-sigurtà  b’appoġġ għall-Kmand Ċentrali tal-Istati Uniti.

Ekonomija

Sport