Il-każ dwar l-attakk li twettaq fuq it-tanker Russu Arctic Metagaz, liema attakk sar waqt li kien qiegħed iġorr tagħbija ta’ gass, dijżil u żejt mhux maħdum, issa qiegħed jieħdu żvolta ġdida hekk kif l-investigaturi qegħdin jiżvelaw x’intuża waqt l-attakk. Dan l-attakk sar fiċ-ċentru tal-Mediterran.
L-investigaturi Russi li jiffurmaw kumitat investigattiv apposta, mill-informazzjoni li ġabru qegħdin jgħidu ċar u tond li l-attakk twettaq minn żewġ drones u tlett dgħajjes, mimljin splussivi. L-investigaturi Russi qegħdin jgħidu b’mod ċar li l-ħsieb kien li tinħoloq splużjoni kbira.
L-attakk qiegħed jiġi deskritt bħala ‘wieħed kumpless’. L-istess investigaturi indikaw li l-attakk kienet wieħed ippjanat fid-dettal u kien ilu jinħema. L-investigaturi Russi ikkummentaw fuq il-fatt li intużaw kemm drones u kemm dgħajjes u qalu li dan sar biex dawk li kienu wara l-attakk ikunu ċerti li l-attakk ikun suċċess.
Min wettaq dan l-attakk għadu misteru u ħadd ma ħa responsabblità. Biss l-investigaturi qegħdin jippuntaw is-swaba lejn l-Ukrajna għax twettqu attakkii simili qabel fil-Baħar l-Iswed.
Intant sorsi qrib l-investigazzjoni infurmaw li l-investigazzjoni qiegħda tikkonċerna issa kif id-drones u d-dgħajjes spiċċaw fiċ-Ċentru tal-Mediterran.

