Il-Kap tal-Armata tal-Pakistan ħeġġeġ lill-poplu sabiex jitbiegħed minn dik li sejħilha “anarkija u polarizzazzjoni” hekk kif żewġ eks prim ministri ddikjaraw rebħa fl-elezzjoni fil-pajjiż, li marret kontra kull aspettattiva.
Bil-maġġoranza tar-riżultati magħduda, il-kandidati indipendenti li għandhom rabta mal-eks Prim Ministru Imran Khan li riċentament intbagħat il-ħabs, rebħu l-akbar ammont ta’ siġġijiet.
Iżda Nawaz Sharif, eks Prim Ministru ieħor li jidher li għandu ħafna l-appoġġ tal-armata, ħeġġeġ lil oħrajn sabiex jingħaqdu mieħu f’koalizzjoni. Sadanittant, uffiċjali fil-pajjiż ċaħdu wkoll il-kritika mill-Punent dwar il-mod kif tmexxiet l-elezzjoni.
Minkejja li r-riżultat għadu mhux uffiċjali, il-Ġeneral Asim Munir sejjaħ lill-partiti kollha sabiex juru sens ta’ maturità u għaqda, filwaqt li qal li l-politika tal-polarizzazzjoni “ma tixraqx lil pajjiż progressiv ta’ 250 miljun persuna.”
Qed ikun irrapportat li għad iridu jiġu determinati 14-il siġġu fl-Assemblea Nazzjonali – kollha fil-provinċja ta’ Balochista. Il-partit ta’ Sharif (PML-N) kiseb 71 siġġu filwaqt li dak ta’ Bilawal Bhutto Zardari (PPP) kiseb 53 siġġu. L-akbar għadd ta’ siġġijiet inkisbu minn partit iżgħar jew indipendenti.
Dr Farzana Shaikh mit-think tank ta’ Chatham House saħqet li b’riżultat ta’ dan, il-Pakistan qed jaffaċċja perjodu “itwal ta’ instabbilità politika”. Mal-midja internazzjonali hija qalet li l-kandidati indipendenti li għandhom rabta ma’ Khan x’aktarx li ma jitħallewx jiffurmaw gvern. Fl-istess waqt, ħafna nies huma mħassba li “koalizzjoni dgħajfa u instabbli” tista’ tirriżulta minn kwalunkwe rabta bejn Sharif u l-PPP.