Hamrun Spartans …….0
Shakhtar Donetsk ……2
Minn Cristian Muscat
Kellhom ikunu żewġ goals fi spazju ta’ tliet minuti f’nofs it-tieni taqsima li kkastigaw lil Hamrun Spartans u taw rebħa ta’ 2-0 lil Shakthar Donetsk fil-ħames ġurnata tal-Fażi tal- Kampjonat tal-UEFA Conference League.
Kienu Shakhtar li ħolqu l-ewwel periklu fis-sitt minuta meta Yehor Nazaryna mill-viċin kellu x-xutt tiegħu jistampa mal-wieqfa, iżda r-referee Ġermaniż, Badstuber, saffar għal offside.
Hamrun wieġbu fit-13-il minuta meta Joseph Mbong għadda tajjeb lejn N’Dri Koffi li kellu x-xutt mid-distanza jintemm ftit għoli.
Fit-22 minuta l-Ukreni appellaw għall-penalty meta Ryan Camenzuli deher iwaqqa’ lil Lucas Ferreira fil-kaxxa, iżda kien kollox normali għar-referee, tant, li ma kkonsultax il-VAR.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u tliet minuti wara l-istess Ferreira evita l-markatura ta’ Camenzuli li kellu x-xutt fil-baxx jiġi devjat f’corner mill-goalkeeper ta’ Hamrun, Henry Bonello.
Fis-27 minuta, Shakhtar reġgħu heddew iżda Bonello kien providenzjali meta dawwar f’corner ix-xutt ta’ Nazaryna mid-distanza.
Hamrun irrispondew fl-40 minuta meta Mbong għadda lejn il-Kroat, Ante Coric, li kkontrolla tajjeb qabel venven xutt minn pożizzjoni angolata li gie mdawwar f’corner minn Luca Meirelles.
L-Ispartans komplew jippressaw u fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, xutt fil-baxx ta’ Mbong ġie salvat bi tbatija mill-goalkeeper Ukren, Kiril Feshyn.
Fil-51 minuta, freekick ta’ Coric għal Hamrun ġie devjat f’corner mid-difiża Ukrena.
Erba’ minuti wara, Mbong, żmarkat għal kollox, għolla l-mira minn qagħda ideali.
L-Ukreni wieġbu fid-59 minuta meta s-sostitut Oleg Ocherenko daħal tajjeb bejn Bjelicic u Marcelina, iżda l-konklużjoni tiegħu spiċċa barra.
Minuta biss wara, Shakhtar fallew ċans tad-deheb lo jiftħu l-iskor meta Luca Meirelles mill-viċin ra lil Bonello jwettaq save kbir.
Iżda l-istess LUCA MEIRELLES ma kellux jiġi mċaħħad fil-61 minuta meta bir-ras ikkonnettja minn cross fuq ix-xellug bil-ballun jispiċċa fis-saqaf tax-xibka.
Tliet minuti wara, l-Ukreni rduppjaw meta ISAQUE qabbeż il-ballun minn fuq Bonello għar-rokna tax-xibka.

