Monday, November 11, 2024

Żewġ goals fl-ewwel taqsima jikkastigaw lill-Maltin

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Malta……………0

Italja…………….2

Kellhom ikunu żewġ goals fl-ewwel taqsima li taw rebħa ta’ 2-0 lit-team nazzjonali Taljan fuq dak Malti.

It-Taljani kienu superjuri b’mod assolut mil-lat territorjali fejn kellhom pussess tal-ballun ferm ikbar minn dak tal-Maltin, waqt li kien ferm kumpatti u organizzati f’kull dipartiment tal-ground. Madankollu, ta’ min ifaħħar il-wirja tal-Maltin li żammew il-pass mal-avversarji għal bosta ħinijiet fil-partita.

Kienu l-Maltin li ħarġu fuq l-offensiva u fil-ħames minuta, Joseph Mbong serva fuq platt tal-fidda lil Alex Satariano li minn quddiem il-goalkeeper Taljan Donnarumma ra lil dan tal-aħħar idawwar f’corner b’mod spettakolari.

Mill-corner li rriżulta, Yannick Yankam, li fil-partita preċedenti kontra l-Maċedonja sar is-sitt debuttant li rnexxielu jsib ix-xibka għat-team nazzjonali Malti, kellu d-daqqa ta’ ras ċentrali tiegħu tiġi salvata mingħajr wisq diffikultá mill-istess Donnarumma.

It-Taljani wieġbu mal-kwarta logħob meta Matteo Politano għadda tajjeb lejn Bryan Crystante li venven xutt mid-distanża li mpenja bis-sħiħ lil Bonello li dawwar tajjeb f’corner.

Mill-corner li rriżulta mogħti minn Sandro Tonali, MATEO RETEGUI, daħal bejn il-captain Malti Steve Borg u Bonello u żmarkat rnexxielu jantiċipa lill-goalkeeper Malti b’daqqa ta’ ras preċiża u jitfa’ l-ballun fix-xibka.

Fit-22 minuta, il-coach tat-team nazzjonali Taljan, Roberto Mancini, kien kostrett jaffettwa sostituzzjoni sfurzata hekk kif weġġa’ għalihom il-player Vincenzo Gnoto, li jidher li ġibed muskolu biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Vincenzo Grifo.

It-Taljani komplew fuq l-offenisva u fis-27 minuta rduppjaw l-iskor meta Emerson xeħet cross fil-baxx li sab lil MATTEO PESSINA li antiċipa lil Matthew Guillaumier u minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.

It-team nazzjonali Taljan immexxi mill-coach Roberto Mancini kien għoddu skorja t-tielet goal man-nofsiegħa logħob meta Grifo minn pożizzjoni ideali ħareġ l-aħjar ta’ Bonello li salva bi bravura.

Kien biss fid-69 minuta li waslet l-azzjoni sussegwenti, bit-Taljani jkunu huma li joħolqu l-periklu, meta wara li rċieva minn corner, is-sostitut Scamacca, ittanta xortih permezz ta’ rovexxjata mill-isbaħ, iżda sab lil Bonello attent.

Il-Maltin wieġbu fit-80 minuta meta Yannick Yankam għadda tajjeb lejn Joseph Mbong li kellu x-xutt tiegħu minn ġol-kaxxa jiġi devjat f’corner minn Emerson.

It-Taljani komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.

Malta: 1-Henry Bonello, 2-Cain Attard (22-Zach Muscat 64), 4-Steve Borg, 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 13-Ferdinando Apap (18-James Brown 84), 14-Alex Satariano (9-Kyrian Nwoko 64), 15-Juan Carlos Corbalan, 17-Nikolai Muscat (10-Teddy Teuma 76), 20-Yannick Yankam, 23-Jodi Jones (21-Shaun Dimech 76) Coach: Michele Marcolini

Italja: 1-Gianluigi Donnarumma, 2-Giovanni Di Lorenzo (5-Matteo Darmian 46), 10-Wilfried Gnonto (7-Vincenzo Grifo 22), 12-Matteo Pessina, 13-Emerson, 14-Giorgio Scalvini, 16-Bryan Crystante, 17-Matteo Politano, 19-Mateo Retegui (9-Gianluca Scamacca 66), 20-Sandro Tonali (6-Marco Verratti 66), 23-Alessio Romagnoli Coach: Roberto Mancini

Referee: Georgi Kabakov (Bulgarija)

Ass. Referees: Martin Margaritov, Diyan Valkov (Bulgarija)

Raba’ Uffiċjal: Nikola Popov (Bulgarija)

Skorers: M. Retegui 15, M. Pessina 27 (I)

Ammoniti: G. Di Lorenzo, G. Scalvini (I)

Attendenza: 16,015

Sport