Minn Cristian Muscat
Floriana…………….2
Pietá H……………..0
Floriana bdew l-istaġun fuq nota pożittiva meta kisbu rebħa meritata ta’ 2-0 kontra t-team promoss ta’ Pietá Hotspurs, biż-żewġ goals jaslu kmieni fl-ewwel taqsima.
Il-Greens fejn dehru tattikament iktar organizzati u dixxiplinati f’kull dipartiment, bl-iskor seta’ kien ikbar li kieku kienu iktar preċiżi fil-konklużjonijiet tagħhom.
Min-naħa l-oħra wieħed ma jrid ineħħi xejn mill-mertu ta’ Pietá Hotspurs immexxija mill-coach Rodney Bugeja hekk kif kellhom il-mumenti poittivi tagħhom u offrew oppożizzjoni denja lit-team immexxi mill-coach Taljan Gianluca Atzori. Madankollu, l-esperjenza li jippossjedu l-maġġornaza tal-players ta’ Floriana kuntrarju għat-team ta’ Pietá li huwa kompost minn diversi elementi żgħażagħ, finalment għamlet id-differenza kollha.
Floriana rnexxielhom isibu x-xibka proprju fl-ewwel azzjoni perikoluża li ħolqu fit-12-il minuta meta Jan Busuttil żmarka għal kollox lil MATTIA VESELJI li avvanza waħdu u għeleb lill-goalkeeper Dele Alampasu.
Tliet minuti wara, il-Hotspurs kellhom jeffettwaw sostizzjoni sfurzata hekk kif weġġa’ Takuma Yamaguchi meta deher li sofra concussion u kellu jittieħed b’urġenza l-isptar permezz ta’ ambulanza. Minfloku, daħal jilgħab is-sostitut Nigel Scerri.
Il-Greens komplew fuq l-offensiva u seba’ minuti wara, il-captain Matias Garcia xeħet cross insidjuż li sab lil Kemar Reid li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tiġi salvata tajjeb min Alampasu. Fil-25 minuta, il-Greens rebħu penalty meta Alan Schembri Wismayer waqqa’ lil Lorenzo Trillo fil-kaxxa, fejn mill-11-il metru nkariga ruħu OUALID EL HASNI li ma żbaljax hekk kif tefa’ l-ballun naħa u lil Alampasu n-naħa opposta.
Mas-siegħa logħob, Lorenzo Trillo għadda tajjeb lejn il-captan tal-Greens Matias Garcia li min-naħa tiegħu xeħet cross lejn Kemar Reid li kellu xutt mill-viċin li ntemm barra.
Fit-83 minuta, is-sostitut Andrei Ciolacu rċieva minn cross perfett ta’ Jan Busuttil iżda kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tintemm ftit għoli.
Floriana komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita fejn qatt ma taw ċans lill-Hotspurs jiddettaw il-logħob tagħhom.
Floriana: 33-Georgi Kitanov, 2-Adam Magri Overend (77-Aleandro Garzia 72), 3-Christian Rutjens, 4-Oualid El Hasni, 7-Mattias Veselji (21-Carlo Zammit Lonardelli 62), 8-Kemar Reid (72-Eden Hershkovich 72), 10-Jose Ulises Arias (9-Andrei Ciolacu 62), 20-Matias Nicolas Garcia, 25-Lorenzo Trillo, 28-Emiliano Callegari, 30-Jan Busuttil (11-James Scicluna 82) Coach: Gianluca Atzori
Pietá H.: 12-Dele Alampasu, 2-Samuel Okoh, 5-Yasukaze Ito, 7-Jake Ghio (47-Gabriel Xuereb 58), 8-Terence Agius (4-Sheldon Mizzi 75), 11-Alan Schembri Wismayer (17-Kurt Briffa 46), 22-Zian Leonardi, 24-Ganiu Atande Ogungbe, 77-Amadou Sekou Camara, 90-Ange Aboa Belibi (95-Kian Leonardi 46), 99-Takuma Yamaguchi (33-Nigel Scerri 15) Coach: Rodney Bugeja
Referee: Alex Johnson
Ass. Referees: Mitchell Scerri, Mark Ciantar
Raba’ Uffiċjal: Daniel Portelli
Skorers: M.Veselji 12, O.El Hasni pen. 25 (F)
Ammoniti: T. Agius, J. Ghio, D. Alampasu (P)
Player tal-Logħba: Mattia Veselji (F)