Is-summit tal-Kapijiet ta’ l-Istati tal-Unjoni Ewropea, liema summit kien proġettat li kellu jagħmel enfasi fid-dettal kif se tissaħħaħ u tikber l-il-kompetittività Ewropea u dan għax hu fatt li hemm ekonomiji Ewropej li bħalissa jinsabu f’diffikultajiet u qed jaqgħu lura, spiċċa biex fuq l-aġenda kellu iż-żewġ gwerer li bħalissa qegħdin jiddominjaw id-dinja. Dan jiġifieri il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna u l-gwerra li bdew l-Istati Uniti u Iżrael ma’ l-Iran, kunflitt li kellu żviluppi negattivi ħafna fl-aħħar sigħat.
Il-Kunsill Ewropew kellu quddiemu ukoll il-kwistjoni tal-għajnuna ta’ €90 biljun lill-Ukrajna, liema għajnuna kienet qiegħda tiġi imblukkata mill-Ungerija. Is-summit ġie eżatt fi żmien meta l-Ewropa u l-pajjiżi l-oħra madwar id-dinja jinsabu affettwati b’mod negattiv ħafna. mill-mod kif għola l-prezz taż-żejt kawża tat-tensjoni fil-Golf Għarbi. Is-sitwazzjoni kompliet marret għall-agħar hekk kif fl-aħħar sigħat kienu attakkati faċilitajiet ewlenin tal-gass, fil-Qatar u fl-Iran. Il-mod kif beda jogħla l-prezz taż-żejt affettwa l-prezzijiet tal-fjuwil, it-tariffi tat-trasport kemm bl-art, bil-baħar u bl-ajru u anke l-prezzijiet marbutin mal-kontejners.
Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn l-aġenda tal-Kunsill Ewropew isib li l-kunsill Ewropew mistenni jiddiskuti iż-żieda fit-tensjoni fil-Lvant Nofsani u l-konsegwenzi tagħha għall-Unjoni Ewropea, inklużi l-prezzijiet tal-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija. Il-mexxejja huma mistennija wkoll li jiddiskutu l-kompetittività, il-qafas finanzjarju li jmiss, is-sigurtà u d-difiża.
Il-kwistjoni marbuta mal-enerġija u s-sigurtà tagħhja ittelgħet malajr fuq l-aġenda u dan hekk kif il-prezzijiet tal-gass żdiedu b’aktar minn 50 fil-mija mill-bidu tal-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael fuq l-Iran. Jidher li qiegħed ikun rikonoxxut li l-Unjoni Ewropea fil-mument ftit li xejn hi kapaċi tinnewtralizza ix-xokkijiet ġejjin mis-swieq globali u l-problemi marbutin mal-Istrett ta’ Hormuz u l-merkanzija li tgħaddi minnu.
Il-mistoqsijiet li qegħdin isiru hu kif dan il-Kunsill Ewropea se jirnexxielu jirrispondi għaż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwils, u dan bien jittaffa l-impatta fuq il-pajjiżi u fuq in-negozji u l-popolazzjoni Ewropea. Jidher li kien hemm min kien qed jargumetna li għandhom jkun hemm tnaqqis fit-taxxi marbutin mal-fjuwils u l-enerġija u dan biex jittaffa l-impatt. Kien hemm argumenti oħra marbutin ma’ għajnuniet li jistgħu jingħataw mill-Istati lill-industrija involuta fl-enerġija.
Sa minn qabel beda is-summit, bdew isiru dikjarazzjonijiet, fejn spikkat dik tal-Kap tal-Politika Barranija tal-Unjoni Ewropea Kaja Kallas. Hi ddikjarat li l-mexxejja jridu juru “kuraġġ politiku” biex jimxu ‘l quddiem fuq is-self ta’ €90 biljun lill-Ukrajna, u sejħitha “l-mistoqsija l-kbira fil-kamra.”
Hija wissiet ukoll dwar ir-riskji għall-flussi globali tal-enerġija, u qalet li l-UE qed taħdem biex tiżgura “passaġġ sikur għall-vapuri” mill-Istrett ta’ Hormuz.
Il-mexxejja Ewropea kellhom ukoll jiddiskutu l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea f’kuntest mill-aktar wiesa u dan b’rabtra mal-mod kif l-Istati Uniti u ċ-Ċina, qegħdin jinvestu bil-qawwa f’ teknoloġiji avvanzati li jħajru kumpaniji ta’ valur għoli u l-innovazzjoni.
Intant f’ittra ta’ stedina li bagħat lill-mexxejja Ewropej, il-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa, qal li d-diskussjoni se tiffoka l-iktar fuq il-konsegwenzi li se jħallu dawn il-kunflitti fuq l-Unjoni Ewropea, ewlenin fosthom: il-prezzijiet tal-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija.
Fl-ittra tiegħu, il-President Costa qal li f’dan is-summit se jkun preżenti s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda António Guterres sabiex bħala sieħeb ewlieni tal-Unjoni Ewropea u flimkien mal-mexxejja Ewropej, jiddiskutu l-klima taħraq nar ta’ bħalissa fil-Libanu, Gaża u x-Xatt tal-Punent u biex possibbilment, tinstab triq komuni ‘l quddiem li jkollha t-timbru tal-istati membri kollha.
Il-President Costa qal li l-President Ukren, Volodymr Zelenskyy, se jindirizza lill-mexxejja Ewropej fil-bidu tad-diskussjoni dwar l-Ukrajna. Hu ddeskriva bħala “essenzjali” l-pressjoni kontinwa fuq ir-Russja mill-Unjoni Ewropea bit-tama li tirritorna mal-mejda tan-negozjati biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna li issa daħlet fil-ħames sena.

