Monday, December 23, 2024

Żewġ ħallelin arrestati b’rabta ma’ serqa f’ħanut tal-merċa u hold-up fuq “delivery person”

Aqra wkoll

F’żewġ każijiet separati, fil-Marsa u fil-Qawra, il-Pulizija arrestat żewġ persuni mumenti biss wara li kienet twettqet serqa.

Fl-ewwel każ, waqt ronda li l-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun kienu qegħdin jagħmlu fl-akwati ta’ Triq Telgħet il-Ġiżwiti, fil-Marsa, meta għall-ħabta tas-2.00 a.m. innutaw ħanut tal-merċa bis-shutter sgassat u bid-dawl mixgħul. 

Minnħabba suspett li qam, il-Pulizija waqfu u nnutaw xi ħġieġ mal-art u xi dmija. Kif ittawlu għal ġewwa raw persuna liebsa hoodie, tipprova taħrab lejn in-naħa ta’ wara tal-ħanut. Kien hawn li l-Pulizija ordnaw lil din il-persuna biex toħroġ mill-ħanut u ġiet arrestata. Il-persuna ġiet identifikata bħala żagħżugħ ta’ 17-il sena ta’ nazzjonalita’ Libjana. Minn tfittxija li saret fuqu, il-Pulizija sabu borża tal-plastik mimlija muniti u oġġetti oħra li kollha ġew elevati  

Fit-tieni każ, raġel Malti ta’ 19-il sena, residenti l-Ħamrun kien arrestat wara li kien għadu kemm seraq flus kontanti mingħand delivery person fi Triq il-Qawra, Qawra. Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-4.00 p.m.

Il-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra kienu infurmati li raġel ta’ 26 sena residenti Birkirkara li jwassal l-ordnijiet tal-ikel fid-djar safa misruq wara li kien avviċinat minn raġel li talbu biex isarraflu xi flus. Fil-ħin li l-vittma ħareġ xi karti tal-flus mil-but ir-raġel ta’ 19-il sena ħatafhomlu u ħarab lejn blokka t’appartamenti fl-istess triq. Minnufih intalbet l-assistenza tal-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra li marru mill-ewwel fuq il-post. Huma daħlu fil-blokka ta’ apparatmenti indikata mill-vittma u arrestaw lill-allegat ħalliel.

Ekonomija

Sport