Żewġ persuni ddaħħlu l-Isptar wara li għall-ħabta ta’ nofsinhar kienu involuti f’inċident li seħħ fi Triq il-Wied tal-Iklin.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li sewwieq ta’ mutur Ingliż ta’ 54 sena tilef il-kontroll tal-mutur tat-tip Lexmoto li kien qiegħed isuq. Miegħu riekba kien hemm Ingliża ta’ 53 sena.
Fil-post issejħu ambulanzi li ħadu liż-żewġ Ingliżi lejn l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard irriżulta li r-raġel kien sofra minn ġrieħi ħfief filwaqt li l-mara kienet sofriet minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.