Friday, November 15, 2024

Żewġ Iżraeliti arrestati wara li waddbu xi flares lejn il-partitarji tal-Ħamrun

Aqra wkoll

Żewġ persuni Iżraeliti qed jinżammu arrestati b’rabta mal-inċident li seħħ ilbieraħ filgħaxija fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali waqt logħba tal-futbol mill-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni fil-UEFA Champions League bejn Ħamrun Spartnas u Maccabi Haifa tal-Iżrael. Dan kien ikkonfermat fi stqarrija li nħarġet mill-Pulizija.

Kif normalment jiġri qabel kull logħba, il-Pulizija wettqet tfittxijiet fuq kull persuna li kienet dieħla fl-istadium. Fuq xi partitarji ta’ Macabi Haifa nstab xi materjal pirotekniku (flares), anke fejn il-partijiet intimi tagħhom. Minkejja l-isforzi kollha li saru xi wħud xorta rnexxielhom idaħħlu xi flares fl-istadium.

L-inċidenti relatati seħħew meta xi partitarji ta’ Maccabi Haifa xegħlu u tefgħu xi flares. Il-Pulizija immedjatment ħadu kontroll tas-sitwazzjoni u ġew evitati aktar inċidenti. Fil-fatt l-ebda persuna ma sofriet ġrieħi, u fl-ebda ħin is-supporters ma avviċinaw lejn xulxin, fissru l-Pulizija fl-istess stqarrija.

Waqt dawn l-inċidenti, sitt persuni Iżraeliti nħarġu mill-ground. Tnejn minnhom qed jinżammu taħt arrest b’rabta mal-użu ta’ flares u mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin.

ILBIERAĦ: Partitarji ta’ Maccabi Haifa jwaddbu flares lejn dawk ta’ Ħamrun

Fil-partita bejn Ħamrun u Maccabi Haifa, inqala’ l-inkwiet bejn il-partitarji bil-partita jkollha tiġi mwaqqfa fit-tieni taqsima.

Dan wara li l-partitarji ta’ Maccabi Haifa tefgħu flares fid-direzzjoni ta’ partitarji ta’ Ħamrun Spartans, waqt li fl-ewwel taqsima kienu diġá ntefgħu flares fil-grawnd.

Iż-żewġ settijiet ta’ players daħlu fid-dressing room minħabba konfużjoni li żvolġiet iżda xi minuti wara l-logħba setgħet titkompla.

Filwaqt li s’issa għadu mhux magħruf jekk hemmx persuni li ndarbu jidher li mistennija jinħarġu sanzjonijiet fil-konfront ta’ dawk responsabbli.

Ekonomija

Sport