Friday, November 22, 2024

Żewġ kisbiet importanti mill-MPE Josianne Cutajar din il-ġimgħa

Aqra wkoll

Fl-aħħar sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew għal din is-sena,  ittieħed b’suċċess il-vot fil-Plenarja dwar ir-Rapport li ilha taħdem fuqu l-Ewroparlamentari Maltija Josianne Cutajar sa minn kmieni din is-sena — dak dwar l-Istrateġija għan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs).

Fl-istess sessjoni Plenarja ġie ivvutat b’suċċess ukoll il-Baġit Ewropew (MFF) għas-seba’ snin li ġejjin.

L-Istrateġija għan-Negozji Żgħar u Medji, li fuqha Dr Cutajar ħadmet bis-sħiħ sabiex ressqet ir-Rapport dwarha bħala n-negozjatriċi f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi, hi istrateġija mill-aktar kruċjali għall-eluf ta’ negozji madwar l-Ewropa kollha, inkluż mijiet ta’ intrapriżi f’Malta u f’Għawdex li l-istrateġija l-ġdida se tkun ta’ sostenn kbir għalihom u l-familji tagħhom.

Hawnhekk, Dr Cutajar kellha rwol ewlieni sabiex jidħlu diversi emendi bżonnjużi u kruċjali għall-irkupru tas-settur tal-intrapriżi żgħar u medji fix-xhur li ġejjin.

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-vot b’suċċess favur ir-Rapport, Josianne Cutajar qalet li ‘l-ħidma issa ser tkompli b’aktar qawwa biex flimkien niżguraw li l-intrapriżi żgħar u medji tagħna, f’Malta u  fl-Ewropa, jerġgħu jqumu fuq saqajhom u jibdew jikkompetu fis-suq bħal qabel.’

Il-vot favur ir-Rapport dwar l-Istrateġija għall-SMEs, iżda, ma kienx l-uniku suċċess miksub minn Dr Cutajar fl-aħħar jiem. L-Ewroparlamentari Maltija għadha kif inħatret Chairperson tal-Grupp ta’ Ħidma importanti fil-Parlament Ewropew dwar it-Turiżmu, l-Ivjaġġar u l-Mobilità tal-SME Connect. Dan il-Grupp ta’ Ħidma jiġbor taħtu eluf ta’ atturi oħra fis-settur li jirrapreżentaw  l-interessi ta’ dawn in-negozji żgħar u medji.

Cutajar sostniet li ‘dawn in-negozji jistgħu jkunu huma l-mutur li jistimula it-turiżmu u  l-ekonomiji tagħna, u għalhekk irridu niżguraw li nagħtuhom l-għodod neċessarji biex jirpiljaw mill-aktar fis possibbli.’

Il-ħidma ta’ Dr Cutajar qed tkompli ukoll mil-lat tal-oqsma tat-turiżmu u l-ivvjaġġar għall-gżejjer Maltin u Għawdxin, li qed twettaqha b’mod kontinwu permezz tax-xogħol tagħha fi ħdan it-Taskforce għat-Turiżmu fil-Parlament Ewropew.

Minbarra dawn il-ħidmiet, l-MPE Cutajar bħalissa qed tixpruna messaġġ Go4Local sabiex tħeġġeġ li f’dawn iż-żminijiet ta’ festi l-konsumaturi jixtru l-prodott lokali, mingħand intrapriżi u negozji lokali. L-appell ta’ Dr Cutajar hu li żmien il-Milied hu opportunità sabiex, bix-xiri tagħna mingħandhom waqt l-istaġun tal-festi, lin-negozji lokali tagħna ngħinuhom jirkupraw u b’hekk jikkontribwixxu mill-ġdid fl-ekonomiji tagħna.

Sport