Żewġ klijenti tal-BOV li għandhom kard tal-Visa flimkien ma’ żewġ persuni oħra magħżula minnhom, ġew preżentati bi vjaġġ għal Barċellona b’kollox inkluż. Huma se jassistu għal avveniment sportiv tat-tlielaq tal-karozzi. Ir-rebbieħa ttellgħu bil-polza fi tmiem il-kampanja BOV Visa Spend & Win li ttellgħet bejn ix-xhur ta’ Marzu u Mejju, u ġew mogħtija dan il-premju waqt preżentazzjoni li saret fil-Campus Hub.
Micaela Catania u Monica Abela huma r-rebbieħa ta’ vjaġġ għal tnejn minn nies ta’ erbat iljieli, li jinkludi wkoll titjiriet bir-ritorn għal Barċellona, akkomodazzjoni f’lukanda ta’ ħames stilel u esperjenza unika li jassistu għal tellieqa tal-karozzi, kif ukoll esperjenza ta’ ospitalità. Għall-preżentazzjoni attendew iċ-Chief Personal & Wealth Officer tal-Bank of Valletta, Simon Azzopardi, flimkien ma’ Chris Degabriele, Kap tal-eBanking Channels tal-BOV u Daniel Magrin, Kap tal-Marketing u Product Lifecycle Management fil-BOV.
Din il-kampanja hija parti mill-isforzi tal-Bank of Valletta li jinċentiva iktar l-użu ta’ ħlas bil-kards fost il-klijenti tiegħu. Fil-fatt, iktar kmieni din is-sena, il-Bank tella’ kampanja oħra simili fil-jiem tal-karnival, filwaqt li bħalissa għaddejja inizjattiva oħra li tippremja lil dawk li jiġbdu inqas minn €300 fi flus kontanti fix-xahar u jwettqu minn tal-inqas tranżazzjoni waħda bi kwalunkwe kard ta’ debitu jew kreditu tal-BOV.
Waqt li feraħ lir-rebbieħa, Simon Azzopardi rringrazzja lil Visa tal-kollaborazzjoni u tal-opportunità li offrew lill-klijenti tal-Bank. “Grazzi għall-kollaborazzjoni kontinwa ma’ Visa, qed inkomplu noffru u niffaċilitaw pagamenti siguri u veloċi permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi bil-kard u permezz ta’ kartieri diġitali. Il-klijenti llum jistgħu jagħmlu użu minn dawn is-soluzzjonijiet biex iħallsu bl-iktar mod effiċjenti possibbli. Din l-inizjattiva tippermettilna nippremjaw lill-klijenti li jużaw il-kards tagħna b’opportunità unika fis-suq lokali. L-opportunità li tattendi għal wieħed mill-aktar avvenimenti sportivi prestiġjużi fid-dinja tal-motorsport internazzjonali hija xhieda tal-impenn tal-BOV li jipprolifika l-pagamenti diġitali sew fuq livell lokali u internazzjonali.” Is-Sur Azzopardi għalaq billi ħeġġeġ lill-klijenti jkomplu jużaw il-firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ pagamenti tal-BOV u wiegħed iktar opportunitajiet għal esperjenzi bħal dawn għall-klijenti kollha.